PARROĊĊA SAN ĠORĠ MARTRI
-  ĦAL QORMI MALTA  -

FRATELLANZA TAL-MADONNA TAR-RUŻARJU

2 ta' Settembru, 1601

MINN ĠORĠ BORG
Segretarju tal-Fratellanza

E-mail: [email protected]

 
  IT-TWAQQIF TAL-FRATELLANZA TAR-RUŻARJU:

Il-Fratellanza  tal-Madonna  tar-Rużarju  ġiet imwaqfa  fit-2 ta' Settembru 1601 taħt il-kappillan  Dun Franġisk Cassia  (1585 - 1615). Din seħħet wara ittra  tal-Ġeneral  tal-Patrijiet  Dumnikani  li  ġġib id-data  15 ta' Lulju 1601. Fl-1618, kien hemm madwar  30 Fratell fil-waqt li fl-1653 il-Fratellanza kibret għal madwar 50 Fratell. Illum il-ġurnata fil- Fratellanza hemm madwar 35 Fratell kollha attivi.

Ta' min isemmi li l-Fratellanza fil-Parroċċa tagħna huma l-aktar numerusi f'kull purċissjoni  organizzata mill-Knisja. L-akbar attendenza hija bla dubju il- purċissjoni tad-Duluri.


(c) Ritratt  Borg Ġorġ
   


 (c) Ritratt  Borg Ġorġ

IL-KAPPELLUN TAL-MADONNA TAR-RUŻARJU:

Wara li  kienet tkabret  il- Knisja Parrokkjali,  għal ħabta ta'  1650 tlestew il-kappelluni u ż-żewġ  Fratellanzi  li  kien hemm imwaqfa fil-parroċċa ingħataw l-artali ewlenin fosthom dak tar-Rużarju, fuq in-naħa tax-xellug tal-artal maġġur. Ġara iżda li s-Sodalita' ta' l-Agunija, li twaqfet f'dawk iż-żmieninjiet,  ħadet l-artal fil-Kappellun tar-Rużarju u din ddedikatu lid-Duluri. L-artal tar-Rużarju kien ġa imdawwar bl-iskultura fl-injam  madwar il-kwadru titulari u l-1634 kellu  wkoll  prospettiva  magħmula  minn kolonni tal-ġebel skolpiti. Din hija l-istess prospettiva li  hemm illum. Fl-1679,  jingġad  li  partijiet minn din  il-prospettiva  kienu ġew indurati.  Dan skond il-vista pastorali  tad-delegat  tal-Papa  l- Isqof Molina.  Fl-1685,  fil-kwadru titulari tqiegħdu żewġ kuruni tal- Fidda fuq ras il-Bambin u l-Madonna. Il-Fratellanza kellha ukoll tlett oqbra  quddiem  l-artal fejn  kienu  jindifnu  wħud mill-Fratelli  jew  Konsorelli. In-niċċa  tal-Madonna tar-Rużarju  ukoll tinsab  f'dan il- kappellun. Din tinsab  mal-ġemb  tad-daħla tas-sagristija.

Fl-1798 hemm dokumentat li l-Franċizi ħadu fidded tal-Arċikonfraternita tar-Rużarju li kienu  merfugħin f'kaxxi kif ukoll il-lampier tal-fidda, li kien mħolli b'legat minn Dun Alwiġ Farrugia fl-1656 u li kien hemm armat quddiem l-artal tar-Rużarju.

Dan ġara taħt il-kappillan Dun Ġużepp Caruana (?-1799) u l-knisja kienet armata  għal  Ottava ta' Corpus.  L-lampier li nsibu llum  kien sar f'1816.

Ta' interess ukoll huwa l-korp ta' Santa Konsolata li jinsab fl-artal tal-Kappellun tar-Rużarju. Dan huwa xogħol Karlu Darmanin (1825-1909) f'1863 u fih jinkludi l-għadam tal-qaddisa mogħti fl- 1860 minn Patri Salv Said,  Terżjan Qormi.  Din l-istatwa  tqiegħdet f'postha,  taħt l-artal  tal-Madonna tar-Rużarju,  fis-27 ta' Settembru  1863.  Għal xogħolu  Darmanin tħallas 150 skud minn Dun Ġużepp Abela (1832-1919).

 

KWADRU TITULARI TAL-MADONNA TAR-RUŻARJU:

Dan huwa xogħol ta' interess konsiderevoli, pittura taż-żejt fuq tila, ta' artist mhux magħruf.  Taħt speċi ta' ark trijonfali  maħdum minn medaljuni  bil-ħmistax il-misteru tar-Rużarju; tal-ferħ, tat-tbatija u tal-glorja, li qegħdin iġorruhom l-anġli. Dawn jinsabu minn nofs il-kwadru l-fuq. Il-Madonna bil-qiegħda fuq sħab bil-Bambin f'ħoġorha tagħti l-kuruni lil San Duminku u lil Santa Katarina, li qegħdin fil-ġnub tal-kwadru minn nofs l-isfel. Fuq ras il-Madonna u l-Bambin insibu żewġ kuruni tal-fidda li kienu tqegħdu f'1685. Fin- naħa t'isfel jidhru żewġ puttini, wieħed minnhom b'baċir mimli ward u l-ieħor b'ġilju abjad.

(c) Ritratt  Borg Ġorġ

 

(c) Ritratt  Borg Ġorġ

IL-VENTARTAL TAL-KAPPELLUN TAR-RUŻARJU:

Il-Ventartal hu biċċa xogħol mil-isbaħ fil-fidda. Dan il- kapolavur ġie iddisinjat minn Abram Gatt (1863-1944), li studja fl-iskola teknika tal-Kottonera. Id-disin kien ħażżu fl-1892 imma minkejja dan jista' jitqies fost l-aħjar xogħolijiet tiegħu. Il-Ventartal hu maqsum fi tlett kompartamenti: dak tan-nofs li fih basso-riljiev ta' żewġ anġli qed iżżommu purtiera biex juruna viżjoni sabiħa tal-Madonna tar-Rużarju, fuq pedistal għoli, qed tagħti l-kuruni lil San Duminku u l-Santa Katarina; fuq il-kompartimenti tal-ġnub hemm, mill- banda l-oħra, niċċa b'anġlu wieqaf fiha u madwarha s-simboli evanġeliċi u l-medaljuni b'busti, maħdumin alto-riljiev, tal- profeti David, Isaija, Ġeremija u Abram.

 

IL-VARA TAL-MADONNA TAR-RUŻARJU:

Il-Vara tal-Madonna tar-Rużarju hija xogħol mill-isbaħ tal-bravu Karlu Darmanin (1825- 1909), magħmula bil-kartapesta fl-1860. Saret taħt il-kappillan Dr. Dun Salv Schembri (1785-1863) u tħallset mill-Fratelli tar-Rużarju li ġabru għalija bejniethom. Fi 23 ta' Jannar 1862, b'digriet tal-Isqof Gaetano Pace Forno, ingħataw 40 jum ta' indulġenza lil kull min jgħid "Salve Regina" quddiem din l-istatwa. Qabel l-1860 kien hemm statwa oħra tal-injam li kienet ġa teżisti fl-1686 u tieħu sehem fil-purċissjoni kif ukoll dik ta' ewwel Ħadd ta' Mejju. Ħasra li ma nafux x'ġara minnha din l-istatwa tal-injam. Din kienet l-ewwel Vara proċessjonali f'Ħal Qormi u waħda minn tal-bidu nett f'Malta.
Fil-25 ta' Jannar, 1960 kien ġie deċis sabiex tiġi indurata l-Istatwa u għal dan il-għan Manuel Debono kien offra l-ewwel għajnuna fi flus. 
Għalhekk fil-1964 ġiet indurata l-istatwa mill-ġdid u fl- 1982 ġie indurat ukoll il-pedistall.

Din l-istatwa kienet tintrefa’ fuq kannen tal-ħadid ndaħħla min-naħa sa oħra tan-niċċa sakemm fl-1997 sar karru tal-ħadid biex fuqha tintrefa’ l-Vara tal-Madonna tar-Rużarju fin-niċċa tagħha. Ix-xogħol tal-ħadid sar mis-Sur Karmenu Chetcuti u Salvu Borg (ir-Rettur).

Fl-2008 bis-saħħa ta’ xi membri Fratelli ġie rinovata n-naħa t-isfel tan-niċċa biex jkun jista jidħol sew il-karru tal-ħadid, il-bradella ma’ titħaxxinx mal-ħajt kif ukoll jintrefa’ sew il-balkun tal-vara.


(c) Ritratt  Borg Gorg

 


(c) Ritratti  Borg Ġorġ

(c) Ritratt  Borg Ġorġ

L-ISTANDARDI W  LANTERNI TAL-FRATELLANZA:

Il-Fratellanza għandha erba' standardi. Għal-festa titulari ta' San Ġorġ u tal-Madonna tar-Rużarju jintramaw l-prima u s-sekonda, it-tnejn huma rakmati bil-ħajt tad-deheb. Il-kurċetta tal-prima insibu l-'Omne Di Marija' tal-fidda, b'lasta mill-isbaħ tal-fidda ukoll. Fis-sekonda insibu salib bħala kurċetta u lasta tal-fidda. Peress li s-sekond ġratlu l-ħsara bdew diskussjonijiet dwar transport tad-deheb fuq damask ġdid imma għalkemm fl-2001 tlestiet il-ħjata mis-sinjura Joanne mill-Għargħur it-trasport baqa ma’ sarx. Il-kurċetta ta’ dan l-istandard huwa salib tal-injam indurat bil-fidda. Fis-sena 2001 din ġiet irestawrat mis-Sur Antoine Borg. Dawn l-istandardi huma kollha ta’ kulur abjad.

Standard ieħor huwa ta’ kulur vjola u dan jintuża sabiex titmexxa l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Dan l-Istandard ukoll ġarrab il-ħsara u għalhekk fl-2003 inxtara damask ġdid. Il-kurċetta ta’ dan l-istandard hija salib b’sellum u lanza bi sponza imwaħla, xogħol fl-injam u miżbuha sewda. Rigward l-istandard il-Vjola, fl-2004 sar xogħol ta’ rinovazzjoni fuq il-Kurċetta ta’ l-injam billi tqaxxrett l-ammont ta’ żebgħa li kien fiha u ingħatat il-lostru. Il-Kurċetta tqaxxret bl-aċidu mill-Kumpanija ‘Armstrong’ tal-Mrieħel. Ix-xogħol ta’ l-ixkatlar, l-għoti bil-ħall abjad, kulur u lostru saru minn Ġorġ Borg (is-Segretarju). Il-lostru ingħata b’xejn minn George Diacono (J), Fratell. Dan l-Istandard intuża l-ewwel darba fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira 2005.

Dan barra standard ieħor vjola li jinsab fil-Mużew.
L-ewwel standard tal-Fratellanza kien ġie magħmul fl-1739 taħt il-ħabrieki kappillan Dr. Dun Ġużepp Vella (1690-1776). Dan sar Abjad li huwa l-kulur tal-Fratellanza. F’istess żmienijiet kienu nħaddmu żewġ lanterni.  Skond kif hemm dokumentat nhar is-27 ta’ Ġunju 1739, il-Fratellanza ħalset 36 skud u 4 tari għall-istandard l-ġdid. Ftit wara ħalset 8 skudi għall-żewġ lanterni, 5 skudi u 6 tari biex ġew arġentati, u 4 tari għall-induratura taż-żewġ lasti tagħhom. Dan jinsabu fil-Mużew Parrokkjali. Dawn kienu l-ewwel opri li xi Fratellanza kellha ġewwa Ħal Qormi. B’dawn l-opri l-Fratellanza tar-Rużarju kienet mil-bidu nett li tat sehem fil-purċcissjoni ta’ San Ġorġ Martri maħduma mill- bravu skultur Qormi Pietru Felici (1662 - 1743 ) f’1741.
Bejn 1938/39 kien sar standard ieħor. Din id-darba sar Vjola biex jaqdi l-ħtiġijiet meta kienet takkumpanja funeral ta’ xi Fratell jew kon-Sorella. Dan kien sar taħt ir-Rettur Giovanni Debattista (tal-ħaxix). Mill-Arbural tal- Fratellanza jirriżulta li dan ġie jiswa xi ħaġa fuq Lm60. Dan sar taħt l-Arċipriet Dun Anton Vella (1896-1960). Dan l-Istandard kien japartjeni liż-żewg Fratellanzi ewlenin, jiġifieri tas-Santissimu  Sagrament u tal- Madonna tar-Rużarju, iżda tieħu ħsiebu dejjem il-Fratellanza tar-Rużarju. Ftit wara kien sar ieħor filwaqt li l-antik tqiegħed fil-Muzew Parrokkjali. Dan sar taħt l-Arċipriet Mons. Ġerald Frendo.

F’nofs il-ħamsinijiet inħasset il-ħtiega li jsir standard Abjad ieħor wara li l-antik kien ġa ġie restawrat qabel. Dan kien sar fuq disin ta’ Manwel Buhagiar (1876-1962) u r-Rettur kien Saver Borg (ta’ l-Sprin). Meta dan tlesta l-qadim beda jintuża bħala s-sekonda. Dan ukoll kien sar taħt l-Arċipriet Dun Anton Vella iżda iżżanżan taħt l-Arċipriet Mons. Ġerald Frendo fil-festa ta' San Ġorġ Martri fil-24 ta' Ġunju 1956. Kien refgħu Ġorġ Frendo (hu Mons. Ġerald Frendo).

 

Is-sett Gandlieri Prima tal-Artal tal-Madonna tar-Ruzarju

Fil-Festa ta' Ġunju, 2003 intrama għal l-ewwel darba il-gandlier tas-salib wara li sar restawr u induratura ta' deheb abjad u isfar ġdid mill-induraturi Mario u ibnu Reuben Camillieri Cauchi. Wara l-festa tal-2006 kompla r-restawr tas-sitt gandlieri tax-xema tal-prima. Il-korp ta' Ġesu’ inbidel u sar wieħed tar-resin fuq forma ta' Wistin Camillieri filwaqt li l-antik, tal-injam, ser jitpoġġa fil-Mużew tal-Parroċċa.

Fil-Festa ta' Ġunju, 2008 intramaw is-sitt gandlieri tal-prima wara li tlestew mill-induratura.

Statwa tal-Madonna tar-Rużarju meqjuma fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ M. f' Ħal Qormi

Xogħol Karlu Darmanin fl-1860
(c) Ritratt Borg Ġorġ fis-sena tal-Festa ta' 1998

Ritratt Antik tal-Vara Armata Festa
(c) Ritratt Frendo Photographics

Il-Kappellun Armat ghal-Festa
(c) Ritratt Frendo Photographics

Ritratt Antik tal-Vara Armata Festa
(c) Ritratt Frendo Photographics

Ritratt Antik tal-Vara Armata Festa
(c) Ritratt Frendo Photographics

Statwa tal-ġebel tar-Rużarju
(c) Ritratt Frendo Photographics

Nicca tal-Madonna tar-Rużarju
(c) Ritratt Frendo Photographics

 

Terħa tal-Artal tal-Kappellun Rakmata bid-Deheb
(c) Ritratt Borg Ġorġ fis-sena tal-Festa ta' 2000

Standard il-Prima rakmat bil-ħajt tad-deheb
(c) Ritratt Borg Ġorġ fis-sena tal-Festa ta' 2000

Gastra tal-Prima tal-Artal tal-Kappellun
(c) Ritratt Borg Ġorġ fis-sena tal-Festa ta' 2000

Fjuretta tal-Ganutel tal-Prima tal-Artal tal-Kappellun
(c) Ritratt Borg Ġorġ fis-sena tal-Festa ta' 2000



FESTA TAL-MADONNA TAL-WARD

F'antik il-Vara tal-Madonna tar-Rużarju kienet toħroġ għal festa oħra ġewwa l-Parrocca ta' San Ġorġ Martri Ħal Qormi -, dan barra li kienet toħroġ darbtejn fix-xahar ta' Ottubru. Din kienet tissejjaħ l-festa tal-Madonna tal-Ward u kienet tiġi ċelebrata l-ewwel Ħadd ta' Mejju. Din il-purċissjoni waqfet fis-sittinijiet wara kważi tliet mitt sena minn meta dokumenti juru li kienet issir. F'dan is-sett ta' żewġ ritratti wieħed jista jinnota li f'idejn l-Madonna u l-Bambin hemm żewġ buketti fjuri tal-ganutel minflok il-kuruna tar-Rużarju li kulħadd jafha bihom.

Dawn ir-ritratti ittieħdu waqt il-Purċissjoni ta' Mejju 1946.

 

Mill-Lemin għax-Xellug
Karmenu Bugeja (iċ-Ċapi), Midju Mamo, Saver Borg (tal-Isprin), Carmelo Borg (il-Ħaċċu)
It-tifel iż-żgħir huwa l-mibki Qormi ex-kappillan
ta' Birżebbuġa Dun Karm Frendo

Mill-Lemin għax-Xellug
Pawlu Abela (tal-Balzani), Salvu Borg (tal-Bunċa), Kola Duca (tal-Mixwi), Ġorġ Borg (tal-Isprin)


 


 


 

 


E-mail:   [email protected]

·      Lura għal paġna Prinċipali tal-Parroċċa - Back to Main Page

·      Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju ġewwa Ħal Qormi, Malta

·      Confraternity of Our Lady of Rosary at Qormi, Malta (In English)

 

·      Ir-Rużarju Mqaddes

·      400 Sena mit-Twaqqif tal-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju - 2001

·      Festa tal-Madonna Tar-Rużarju - 2003

·      150 Sena tal-Istatwa tal-Madonna tar-Rużarju - 2010

 

 

Bil-Għajnuna tagħkom aħna nistgħu naħdmu aktar.

Jekk jogħġbok iktbilna u għidilna s-suġġerimenti tiegħek.
GRAZZI

Irranġata  14 ta’ Frar 2009

 

Hosted by www.Geocities.ws

1