PARROĊĊA SAN ĠORĠ MARTRI

 

ST. GEORGE'S PARISH CHURCH

 

QORMI - MALTA

 

IL-KNISJA PARROKKJALI ĠDIDA

(1584-1684)

L-Ewwel Bini; Artali Sekondarji; l-Koppla; Konsagrazzjoni tal-Knisja u Parroċċa Arċipretali

Fl-1582, Dun Marjanu Briffa laħaq Kanonku tal-Katidral u warajħ ingħata l-pussess Dun Mattew Magro. Dan il-kappillan, li kien imdaħħal fiż-żmien, dam sena biss fil-kariga għax fl-1583 irriżenja minħabba saħħtu. Jissemma warajħ Dun Ġwann d’Emanuele iżda dan is-saċerdot kellu biss il-kura tal-parroċċa, locum tenens, sakemm kellu jilħaq kappillan ġdid. Fid-29 ta’ Ġunju 1585 ngħata l-pussess Dun Franġisk Cassia li jidher li kien dam aktar minn sena jitħabat biex jieħu l-kariga ta’ kappillan. Dun Franġisk baqa’ fil-kariga sa mewtu li ġrat fl-1615.(1) Kien f’dawn is-snin li ttieġdet deċiżjoni importanti ħafna: li tinbena knisja parrokkjali ġdida fuq l-istess art fejn kienet il-qadima.

Għidna li din id-deċizjoni kienet importanti ħafna. Dan għidnieh għal żewġ raġunijiet: l-ewwelnett għax kien hemm bżonnha għall-kura spiritwali tal-membri tal-komunita’ ta’ Ħal Qormi. Il-knisja li kien hemm kienet żgħira wisq u lanqas kellha sagristija. Din ir-raġuni weħidha tfisser il-bżonn tal-bini l-ġdid. It-tieni nett, kienet deċiżjoni importanti mill-aspett mondan ta’ l-istorja ta’ l-arkitettura f’Malta għaliex biha Ħal Qormi fetaħ triq ġdida fil-ħajja tal-bini tal-knejjes parrokkjali ġodda fil-gżejjer tagħna.(2)

L-Ewwel Bini

M’hemm ebda dubju dwar is-sena li fiha bdiet tinbena l-knisja parrokkjali li hawn illum ta’ San Ġorġ Martri. Fl-atti tal-vista parrokkjali ta’ l-1615, l-Isqof Baldassare Cagliares isemmi b’mod ċar is-sena 1584 u dan ġie mwettaq fl-atti tal-visti li saru wara li għamel l-Isqof Michele Balaguer da Camarasa fl-1636 u fl-1645.(3) Dan ifisser li x-xoghol inbeda meta, teknikament, il-parrocca kienet minghajr kappillan, għalkemm ma nistgħux ma naħsbux, minħabba li m’hemmx dokumentazzjoni, li d-deċiżjoni kienet ta’ Dun Franġisk Cassia li, bħalma diġa’ għidna, kien qed jitħabat biex jieħu f’idejħ it-treġija tal-parroċċa.

F’dawn l-ewwel snin jidher li x-xogħol mexa ’l quddiem b’ritmu tajjeb. Hekk jixhdu l-visti pastorali ta’ Monsinjur Ascanio Libertano fl-1585 u ta’ l-Isqof Tommaso Gargallo fl-1588.(4) Minn din l-aħħar vista, nisiltu tagħrif siewi bħal, ngħidu aħna, li l-artal maġġur issa kien iħares lejn il-Punent, il-kuntrarju ta’ kif inhu llum. Dan ifisser li sar tibdil skond fiex kien ikun wasal il-bini. Jissemma wkoll li l-kwadru titulari kien it-trittiku medjevali impitter fuq l-injam li diga’ semmejnieh. Jekk wieħed jifli sew il-visti pastorali ta’ bejn l-1601 u l-1645,(5) jasal biex jgħid li l-knisja kienet iffurmata minn żewġ taqsimiet, kull taqsima b’saqaf ta’ għoli differenti: ta’ ġewwa kellu saqaf troll iżda l-parti ta’ barra kellha saqaf mibni fuq il-ħnejjiet. Dan ifisser li, għall-anqas sal-1645, il-knisja l-qadima kienet għadha tagħmel parti mal-ġdida. Wieħed jista’ jaħseb għal xiex kienet tintuża l-knisja l-qadima: forsi bħala speċi ta’ kor jonkella bħala sagristija. Tajjeb wieħed ifakkar li, tradizzjonalment, jingħad li l-knisja l-antika medjevali kienet in-naħa tal-kappellun tar-Rużarju tal-lum.(6) Biex il-knisja l-ġdida setgħet tinbena fuq l-istess art, kellhom jitwaqqgħu l-kappelli medjevali tal-Lunzjata u ta’ San Mikiel li kienu ħdejn il-knisja l-qadima u li diġa’ semmejniehom. Meta nbniet il-knisja l-ġdida, saru żewġ artali fin-navijiet bl-istess żewġ dedikazzjonijiet biex jieħdu post iż-żewġ kappelli.(7)

Mill-istess visti pastorali jidher ċar li din il-knisja l-ġdida kienet magħmula minn navata fin-nofs u żewġ navi mal-ġenb tagħha. Fi kliem ieħor, kienet il-korsija u ż-żewġ navi li għandna llum għalkemm mibdula xi ftit. Il-visti jagħtu x’wieħed jifhem li din l-ewwel fażi kienet lesta sal-1615 u forsi qabel ukoll, sal-1601. Użajna l-kliem l-ewwel fażi, iżda dan mhux preċiż għal kollox billi fil-fatt din il-knisja ġdida kienet lesta minn dak li kellu x’jaqsam ma’ xogħol ta’ bini.

Ilum ħadd ma jimmagina l-knisja ta’ San Ġorġ Martri b’forma differenti milli għandha bħalissa, jiġifieri l-forma ta’ salib Latin. Iżda fil-fatt jidher ċar li, għall-ewwel, il-knisja kienet ippjantata bħala binja rettangolari u tixbaħ ħafna l-knejjes li bena Ġlormu Cassar fl-aħħar tletin sena tas-seklu sittax.(8) Iżda l-knisja ta’ Ħal Qormi kellha xi ħaġa differenti. Fil-knejjes tiegħu, Cassar daħħal, mal-ġnub tan-navata ċentrali, kappelli separati minn xulxin b’ħajt oħxon sew. Il-knisja ta’ Ħal Qormi ma ġietx ippjantata bħalhom għax, minflok kappelli laterali, hemm żewġ navati. Dawn servew biex jilqgħu fuqhom l-ispinta tas-saqaf u joħolqu spazju akbar. Ma nafux min kien il-perit inkarigat iżda, kien min kien, jew għax kellu hekk f’moħħu jew b’kumbinazzjoni, ħoloq pjanta li tixbaħ lill-bażilika paleokristjana bi tliet navati. Din l-osservazzjoni meqjusa għamilha Monsinjur Vincent Borg li kompla: “Bil-bini ta’ din il-knisja, in-nies ta’ Ħal Qormi taw lil Malta l-akbar knisja parrokkjali ta’ dawk iż-żminijiet u bdew ħajja ġdida fil-bini tal-knejjes parrokkjali ġodda ta’ gżiritna". Wieħed jista’ llum jgħid li kien proprju f’Ħal Qormi li twieled il-bidu tar-rinaxximent ta’ l-arkitettura ta’ dawn il-knejjes parrokkjali ġodda f’art twelidna.” (9)

Tinbidel il-Pjanta

Fil-bidu tas-seklu sbatax, f’Malta kien hawn bħal moviment ġdid favur il-pjanti tal-knejjes f’għamla ta’ salib Latin. Diversi lokalitajiet kabbru l-knejjes rettangolari li kellhom billi żiedu żewġ kappelluni u b’hekk taw forma ġdida lill-imqades ta’ l-irħula tagħhom.(10) Din il-forma ġdida kienet teħtieg ukoll il-bini ta’ koppla biex jingħaqdu flimkien il-knisja oriġinali u l-kappelluni. Min-naħa l-oħra, min beda jibni knisja ġdida beda jaddotta l-forma ta’ salib Latin, moviment li x’aktarx jaf il-bidu tiegħu għall-pjanti li ħejja Giuseppe Valeriano għall-knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt.(11) Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-knisja ta’ Hal Qormi kienet diġa’ nbniet meta beda jinfirex dan il-moviment.

Iżda jidher ċar li l-Qormin ma ridux jibqgħu lura u ttieħdet id-deċiżjoni li l-knisja qormija titkabbar u ssir fuq l-istil ta’ salib Latin. L-ewwel xogħol inbeda qrib is-sena 1630, għallanqas hekk jgħidu l-atti tal-vista pastorali ta’ l-Isqof Baldassare Cagliares tal-1630.(12) Milli jidher dan ix-xogħol kien marbut mal-faċċata tal-knisja għax il-vista pastorali tal-1636 turi li l-faċċata kienet għadha kemm tnaqqxet b’sengħa kbira u li fil-kampnar kien hemm żewġ qniepen, ta’ ħames qnatar u ta’ qantar.(13) Ta’ min jisħaq, hawnhekk, li l-elementi kollha tal-faċċata ma nbnewx kollha f’daqqa. Il-kampnari la nbnew mill-ewwel u lanqas ma ttellgħu flimkien. It-tieni kampnar jissemma l-ewwel darba fl-1679 (14) u l-iskultura fil-faċċata li ssemmiet fl-1636 ma nsibux imniżżel min naqqaxha, għalkemm il-finezza u s-sbuħija tax-xogħol jixhdu id Tumas Dingli. (15)

Ix-xogħol tal-knisja ssokta u tlesta għall-ħabta tal-1653 għax fil-vista pastorali ta’ dik is-sena, l-Isqof Michele Balaguer Camarasa kkummenta li l-knisja “hi mill-isbaħ u x-xogħol fiha għoddu wasal fit-tmiem tiegħu, jonqos biss il-koppla.” (16) Dan il-kliem iwettaq li ż-żewġ kappelluni u l-kor kienu nbnew bħalma nafuhom illum għax il-koppla kienet l-element li tgħaqqad flimkien dawn l-erba’ partijiet strutturali.: il-korsija, iż-żewġ kappelluni u l-kor. F’din il-vista, l-isqof jgħid ukoll li l-knisja kellha seba’ bibien,(17) l-unika waħda f’Malta li kellha dan l-għadd.

Iżda l-bidla fil-għamla tal-knisja rettangolari għal binja ta’ salib Latin ma saretx bl-addoċċ. Kull min hu midħla sew tal-knisja u l-pjanti tagħha(18) jaf li, minkejja li l-knisja ma nbnietx kollha f’perjodu wieħed, il-qisien oriġinali ġew rispettati fiż-żidiet u t-tibdil li saru tul it-tieni fażi. Apprezzament arkitettoniku professjonali u deskrizzjoni mill-aqwa tal-knisja kienu ppubblikati mill-Perit Michael Ellul fl-1984.(19) F’dil-kitba tiegħu, Ellul isemmi kemm huma eżatti l-qisien meta wieħed ikejjilhom bil-units ta’ dak iż-żmien: qasab u xbar. Meta jitkellem dwar kemm il-proporzjonijiet huma eżatti, jikteb hekk:
“Tul tal-knisja: 22 qasba; tul fil-kappelluni: 17-il qasba u nofs; wisa’ tal-knisja: 4 qasab; wisa’ tal-kappelluni: 3 qasab u nofs. Il-pilastri maġġuri huma mfassla ġo kwadru preċiż ta’ qasba b’qasba, u l-pilastri ta’ bejn il-ħnejjiet ġo rettangolu ta’ 6 ixbar u nofs b’5 ixbar u nofs. Interessanti ħafna l-fatt li meta wieħed jieħu l-vojt bejn il-bażijiet tal-pilastri, isib li l-proporzjon tal-wisa’ għat-tul huwa wieħed għal kull ħamsa, jiġifieri tliet partijiet għall-korsija, waħda għall-koppla, u waħda għall-kor, fil-waqt li kull kappellun għandu ċirku wieħed min-navi ’l ġewwa.”

Il-Perit Ellul issokta jgħid li min ħejja dawn il-pjanti kien jaf tajjeb ħafna x’qiegħed ifassal:
“Jidher ċar li min iddisenja l-knisja kien familjari ħafna ma’ l-arkitettura klassika u kien jaf sewwa t-teoriji ta’ l-ewwel Rinaxximent ta’ Leon Battista Alberti (1401-1472) u ta’ Francesco di Giorgio (1439-1501/2) ibbażati fuq iċ-ċirku, imsejjaħ il-forma perfetta għall-pjanta, u l-kwadru doppju għall-għoli." (20)

Min kien il-Perit tal-Knisja?

Il-knisja ta’ San Ġorġ Martri titqies bħala ħolqa importanti fl-istorja ta’ l-arkitettura f’Malta u dan jixhduh il-kitbiet ta’ diversi awtoritajiet bħal Hugh Braun, J. Quentin Hughes, Leonard Mahoney u Michael Ellul. Iżda, minkejja dan il-fatt, bqajna ma nafux min ipppjantaha. Minħabba dan in-nuqqas, tajjeb li wieħed jipprova jasal għal attribuzzjoni għalkemm l-ewwel irridu nagħmlu distinzjoni bejn dak li hu ppruvat storikament u dik li mhix għajr attribuzzjoni. Jekk ikun jeżisti dokumentar awtentiku - dan jinkludi kuntratt, kummissjoni, pjanta originali datata u ffirmata, eċċ - allura din tkun prova storika. Min-naħa l-oħra, jekk isir studju serju fuq l-istil ta’ artist jew perit u jsir taqbil ma’ xogħlijiet magħrufin bħala tiegħu, allura jkollna attribuzzjoni. Din tista’ tkun ta’ siwi kbir iżda rridu nagħmluha cara li qatt ma tkun konklussiva.

Biex wieħed jittanta jasal għall-għan tagħna, irid l-ewwel jidentifika l-aħħar periti magħrufin ta’ l-epoka. Dawn kienu: Ġlormu Cassar, ibnu Vittorio Cassar, Tumas Dingli u Francesco Buonamici. Nibdew minn ta’ l-aħħar:

Il-Professur Ġuże’ Galea fl-1928 attribwixxa l-knisja ta’ Ħal Qormi lill-perit Buonamici, forsi għax kien influwenzat minn attribuzzjonijiet oħra lilu, iżda li llum ġew ippruvati li huma żbaljati. Iżda Galea ma kellu ebda bażi soda li fuqha bena l-ħsieb tiegħu għajr l-asserzjoni li “dak iż-żmien xogħlijiet bħal dawn kienu kollha f’idejh, u ż-żewg prospettivi tal-ġenb għar-reqqa tas-sengħa u s-sbuħija tagħhom jixbħu wisq ix-xogħol tiegħu. Barra minn hekk fil-ġnien tal-Knisja tal-Ħlas għad hemm fdalijiet minn tal-prospettiva tan-nofs li ma tagħrafhomx minn dawk tal-knisja tal-Ġiżwiti li bena hu”. B’xorti ħażina, dan l-awtur żbalja f’żewġ ħwejjeġ:
1. Buonamici twieled fl-1596, 12-il sena wara li bdiet tinbena l-knisja u ma wasalx Malta qabel l-1635;
2. Buonamici wettaq rimodellatura estensiva fl-1647 fil-Knisja tal-Ġiżwiti iżda l-knisja nfisha kienet inbniet fuq pjanti ta’ Giuseppe Valeriano meta Buonamici kien għadu tifel żgħir.
Li nistgħu nisiltu ta’ valur minn din it-teorija hu biss li Buonamici forsi kellu xi sehem fil-prospettivi ta’ l-artali fit-truf tal-kappelluni. Izda hi ħaga certa li ma setax kien imdaħħal fl-ippjantar tal-knisja.

Jekk inħarsu lejn Tumas Dingli nsibu li fl-evalwar l-aktar modern tas-sehem tiegħu, aktar qed toħroġ il-ħila tiegħu bħala scalpellino - skultur irfinut fil-ġebla - milli bħala perit. Kien biss fl-1633 li nsibuh indikat bħala perit, u dan meta diġa’ kellu 42 sena. Hemm diversi knejjes li nbdew qabel din id-data u kienu atribwiti lilu u għalhekk toħroġ it-teorija li Dingli ssokta xogħlijiet mibdijin minn ħaddiehor. Il-knisja ta’ San Ġorġ Martri qatt ma kienet attribwita lilu għalkemm l-iskultura fina tal-bibien tal-faċċata setgħu saru minnu, bħalma diġa’ rajna.

B’hekk naslu għal Ġlormu u Vittorio Cassar. Hugh Braun fl-1944 u J. Quentin Hughes fl-1956 kitbu li aktarx Vittorio Cassar kien responsabbli għall-pjanta tal-faċċata tal-knisja iżda kienu qed jgħoddu bħala ħaġa minnha dik li llum nafu li ma gratx hekk: li l-knisja nfisha u l-faċċata nbnew flimkien.

Fl-1984. il-perit Michael Ellul ipprova jersaq lejn il-likk meta għamel tentattiv għal attribuzzjoni permezz ta’ eżercizzju purament akkademiku. Ikkonkluda li Ġlormu Cassar seta’ kien il-perit li ppjanta l-knisja u li Vittorio Cassar kellu sehem fil-faċċata. Ellul għaqqad flimkien lil dawn iż-żewġ periti għax ibbaża fuq il-fatt li Vittorio ħa l-apprendistat tiegħu ma’ missieru Ġlormu u kompla wkoll xi xogħlijiet fuq disinji tal-missier.

Aktar dirett u speċifiku kien il-perit Leonard Mahoney. Hughes u Ellul kienu saħqu li l-faċċata tal-knisja tinkludi ħafna elementi li nsibuhom f’disinn ta’ perit Taljan tas-seklu sittax, Sebastiano Serlio, li kopja tax-xogħol tiegħu kienet teżisti f’Malta dak iż-żmien u allura setgħet tigi kkonsultata waqt ix-xogħol tal-bini. L-argument ta’ Mahoney jimxi fuq dawn il-linji:
i) il-mudell ta’ Cassar għall-faċċata tal-Kon Katidral ta’ San Ġwann kien proposta ta’ Michelangelo għall-faċċata ta’ San Lorenzo ġo Firenze u magħha żied żewġ kampnari bħalma kien iddisinja Serlio;
ii) min iddisinja l-faċċata ta’ San Ġorġ Martri għamel l-istess bħal Cassar għal San Ġwann;
iii) min għamel hekk bil-fors li kien student ta’ Ġlormu Cassar li kellu f’idejh il-qisien preċiżi tad-disinji ta’ Michelangelo għall-Kappella tal-Medici u l-faċċata ta’ San Lorenzo, it-tnejn ġo Firenze;
iv) min iddisinja l-faċċati ta’ San Ġwann u ta’ San Ġorġ Martri bil-fors kellu f’idejh dawn il-qisien;
v) Vittorio tgħallem mingħand missieru Glormu u l-prattika dak iż-żmien kienet li l-artiġjan iżomm is-sigrieti tal-mestier tiegħu fiċ-ċirku tal-familja tiegħu;
vi) Vittorio kien sar perit bħal missieru Glormu.
Għalhekk, għal Mahoney, kollox jindika li l-faċċata ppjantaha Vittorio Cassar.

Min-naħa l-oħra, wieħed irid jiftakar ukoll li Vittorio Cassar miet fl-1609 u l-faċċata nbniet wara. Dan kollu minnu, iżda haġa faċli li ħaddiehor ħa ħsieb il-bini tal-faċċata fuq pjanti mħejjija minn Vittorio Cassar għadd ta’ snin qabel, bħalma ġara fil-każ tad-diversi torrijiet li nbnew wara l-mewt ta’ Vittorio fuq disinji tiegħu. Fi studju dwar Vittorio Cassar, il-professur Victor Mallia-Milanes ukoll jisħaq li Vittorio Cassar trabba taħt l-istess tradizzjoni arkitettonika ta’ missieru Glormu, dik medjevali tardiva. Iżda jżid ukoll li l-influwenzi arkitettoniċi ta’ Glormu setgħu laqtu wkoll lil xi periti oħrajn.

Semmejna l-faċċati ta’ San Ġwann u ta’ San Ġorġ Martri flimkien. Ix-xebh bejniethom insibuh fl-istess teknika ta’ komposizzjoni, l-istess għejjun ta’ ispirazzjoni u l-istess ħsieb Manjerista. Iżda mbagħad joħroġ kuntrast aktarx qawwi: f’San Ġwann tispikka s-saħħa, it-toqol u l-qawwa filwaqt li fil-faċċata ta’ San Ġorġ Martri toħroġ espressjoni ta’ grazzja, eleganza u aspirazzjoni vertikali li tfakkrek fil-ħsieb Gotiku.

L-Artali Sekondarji fil-Knisja

M’għandniex naħsbu li, fiż-żjara tiegħu fl-1623, il-Gran Mastru de Paule ra xi knisja lesta u armata b’xi numru ta’ artali tal-ġnub b’kull ma hu meħtieġ għat-tiżjin tagħhom. Xejn minn dan. Anzi, jekk wieħed jiftakar fil-kronoloġija tal-bini kif semmejnieh, malajr iqis li l-knisja kienet lanqas biss għadha ħadet is-sura li għandha llum. Aktar ’il fuq urejna ħafif ħafif li sal-1630 il-knisja ma jidhirx li kellha artali fil-kappelli kollha tal-ġnub.

Meta l-knisja kienet għadha ma ħaditx l-għamla ta’ salib Latin, kellha dawn l-artali: tal-Gandlora li kien tal-Fratellanza tas-SS. Sagrament; tar-Rużarju li kien tal-fratellanza li ġġib l-istess isem; tal-Lunzjata u ta’ San Mikiel li saru flok iż-żewġ kappelli ta’ istess ismijiet u kienu nħattu biex inbniet il-knisja; u tal-Madonna tal-Grazzja li kienu jieħdu ħsiebha l-furnara.

Wara l-1630 żdiedu artali oħrajn. Quddiem l-artal tal-Madonna tal-Grazzja sar ieħor iddedikat lil San Tumas Appostlu, fil-waqt li ħdejn dak ta’ San Mikiel twaqqaf artal lil San Ġużepp. Artal ieħor, li ddedikawh lill-Madonna ta’ Trapani, twaqqaf mill-koppja Marjanu u Katerina Haxixa (Axisa) sal-1634. Iżda din id-devozzjoni kellha ġrajja qasira għax, sal-1645, dan l-artal kien ġie ridedikat lill-qaddisin Sidor u Pankrazju (jew Brankat) u, bħalma diġa għidna, kien f’idejn il-bdiewa.

Meta saru l-kappelluni, iż-żewġ artali ewlenin fihom ingħataw liż-żewġ fratellanzi li kien hemm fil-parroċċa f’dan is-seklu. Tas-Sagrament ħadu dak tal-lemin (meta tkun tħares lejn l-artal maġġur), tal-Gandlora, u tar-Rużarju ngħataw dak tax-xellug, kif għadhom sal-lum.

Devozzjoni ġdida li xterdet ma’ Malta wara l-1640 kienet dik tas-Sodalita’ ta’ l-Agunija li f’Ħal Qormi twaqqfet fid-19 ta’ Marzu 1653 u ngħatat l-artal l-ieħor li kien hemm fil-kappellun tar-Rużarju fejn, bħala pittura titulari, fl-1651 kienu diġa’ qiegħdu l-panew tan-nofs tat-trittiku medjevali li jirrapreżenta d-Deposizzjoni. Din il-pittura għadha hemm sal-lum. Fil-kappellun tal-Gandlora, it-tieni artal, kien iddedikat lill-Madonna tal-Katina, devozzjoni marbuta mal-jasar ta’ l-ilsiera. Il-pittura titulari ġabuha mill-kappella ta’ Sant’ Andrija (flokha llum hemm il-knisja ta’ San Franġisk) u waqqfu Sodalita’ tas-Serviti tal-Madonna. Din id-devozzjoni baqgħet sal-1679 meta l-artal kien iddedikat mill-ġdid lill-Preżentazzjoni tal-Madonna fit-Tempju. Devozzjoni oħra kienet taż-Żjara lil Santa Eliżabetta li tissemma darba waħda biss, fil-vista pastorali tal-1588. Madankollu, kien għad hemm kappella vojta u din ingħatat lis-sajjieda għall-ħabta tal-1673 li bnew artal iddedikat lil Sant’ Andrija.

Aktar ma gerbu s-snin tas-seklu sbatax, aktar bdew iżejnu dawn l-artali bi prospettivi mnaqqxin fil-ġebel, u pari ta’ kolonni, fuq stil barokk. Interessanti hu l-fatt li wieħed minnhom, ta’ San Ġużepp, kien ta’ l-injam u nifhmu għaliex: il-mastrudaxxi għażlu li jnaqqxu gwarniċ fl-injam indurat għax dik kienet is-sengħa tagħhom. Mat-tiżjin ta’ l-artali tal-ġnub, ma nistgħux inħallu barra l-kor, li mhemmx għalfejn ngħidu kellu l-akbar prospettiva fil-knisja u li kellu sitt kolonni. Jidher ċar li l-prospettivi ta’ l-artali kollha kienu lesti sal-1679, qabel ma nbniet il-koppla fl-1684.

B'hekk naraw li sal-1630 il-knisja kienet nieqsa mill-artali tal-ġnub u dawn bdew jingħataw lill-ħaddiema ta’ certi snajja’ partokolari kif ser naraw:
bejn l-1630 u l-1636: l-artal ta’ San Tumas lin-naġġara u ħaddiema fil-ġebel;
bejn l-1630 u l-1636: l-artal ta’ San Ġużepp lill-mastrudaxxi;
qabel l-1645: l-artal ta’ San Sidor u San Pankarazju (Brankat) lill-bdiewa;
qabel l-1656: l-artal tal-Madonna tal-Grazzja lill-piżaturi, ta’ l-imtieħen u ta’ l-ifran;
1673: l-artal ta’ Sant’Andrija lis-sajjieda;
Dan kollu juri biċ-ċar li fil-parroċċa qormija kien hemm firxa mhux ħażin ta’ snajja’ li magħhom inżidu li fl-1666 jissemmew li kien hemm ħafna massari u min jahħem il-Belt.

Il-Koppla

Mela sal-1653 il-knisja kienet lesta kif nafuha llum, għajr il-koppla. Bħalma rajna, il-bini oriġinali ma kienx jinkludi koppla u l-erba’ pilasti tal-presbiterju ma kinux tellgħuhom bl-iskop li jerfghu fuqhom bini li jiżen min jaf kemm il-tunnellata. Għaldaqstant, riedu joqogħdu attenti ħafna lil min iqabbdu jippjantaha u wkoll xi ħsieb ikollu f’rasu l-perit li jintagħżel. Mhux ta’ b’xejn li għaddew ’il fuq minn tletin sena oħra qabel ittellgħet il-koppla li għadha titgawda sal-lum.

Il-koppla tlestiet fl-1684, sena li nsibuha mnaqqxa fil-koppla stess u li magħha nżidu tagħrif ieħor mill-vista pastorali ta’ l-Isqof Davide Cocco Palmieri fl-1686.(21) Bħala perit kienu qabbdu l-magħruf Lorenzo Gafa’ li, f’dak l-istess żmien, kien qed imexxi l-bini tal-kor tal-katidral il-qadim fl-Imdina u tal-knisja parrokkajli tas-Siġġiewi.(22) Gafa’ baqa’ magħruf, fost ħwejjeġ oħra, għal kif biddel il-fisjonomija tal-koppli f’Malta: minn binjiet ta’ xehta peżanti għal koppli dinamiċi li estetikament ipaxxu l-għajn.(23) Ix-xogħol li ħalla f'Ħal Qormi m’għamillux għajb meta wieħed iżomm quddiem għajnejh id-diffikultajiet tekniċi li kellu jirbah biex jirnexxu l-pjanti tiegħu.

Kif Gafa’ rnexxielu jegħleb din id-diffikulta’ jiddiskrivi tajjeb ħafna l-Perit Michael Ellul b’dan il-kliem:(24)
“Ma jidhirx li kien il-ħsieb li l-knisja, meta nbniet, ikollha koppla, u Gafa’, quddiem din id-diffikulta’ teknika li għal ħafna, anke fi żmienna, kienet tkun meqjusa bħala diffiċli ħafna jekk mhux ukoll impossibbli, ħareġ b’soluzzjoni brillanti tant mil-lat estetiku kif ukoll minn dak ta’ kostruzzjoni, u li għadha tgħaġġeb sal-lum lil kull min jifhem xi ftit fis-sengħa tal-bini. Gafa’ kellu l-kuraġġ li jtella’ koppla li tizen mijiet ta’ tunnellati fuq erba’ pilastri relattivament żgħar, li l-areja superfiċjali tagħhom hija ftit anqas minn 38 pied kwadru kull wieħed - Gafa’ ha l-prekawzjoni li jħaxxen xi ftit il-pilastri li kien hemm qabel, iżda dawn xorta waħda baqgħu dojoq biex jerfghu dak il-piż, u jibqa’ l-fatt li pilastru miżjud qatt ma jkun b’saħħtu daqs wieħed imtella’ għall-qjies mill-ewwel. Gafa’ ma kellux triq oħra għajr li jibni koppla żnella u kemm jista’ jkun ħafifa, iżda fl-istess ħin soda u b’saħħitha. Naqqas kemm seta’ mill-piż, u uża twieqi kbar separati biss minn xulxin b’pilastri, magħluqin bit-tond minn barra u minn gewwa, u fl-istess ħin, bħal ħoloq - katina, jorbtu lit-tambur f’biċċa waħda. Il-ħnejjiet tat-twieqi jservu wkoll biex jerfgħu l-piż tal-ġebel tal-koppla ta’ fuqhom b’mod aktar żgur milli kieku kienu magħluqin b’arkipjan. It-tambur għoli u n-nuqqas ta’ kustilji fil-koppla jagħtuha sens ta’ spazju minn ġewwa li ftit tara bħalu fil-koppli tal-knejjes tagħna. Fuq barra, l-ispinta tal-koppla hija msaħħa minn tmien kontrafforti, wieħed fuq kull angolu tat-tmien faċċati tat-tambur, dekorati b’ornament b’disinn mhux tas-soltu, u li jixbħu ħafna, jew almenu huma ispirati mill-fleur de lys. Jista’ jkun, għalkemm din hija opinjoni personali tiegħi, li dawn saru aktar tard fi żmien il-Gran Mastru Adrien de Wignacourt (1690-1697), biex ikomplu jżidu l-piż u b’hekk isaħħu l-kontrafforti forsi wara t-terremot tal-1693. Wieħed jista’ jammira l-linja dritta tal-pilastri tat-tanbur, il-kontrafforti, il-pilastru u l-kustilji tal-lanterna li jiltaqgħu f’direzzjoni waħda taħt is-salib tal-quċċata. It-twieqi tal-lanterna li ma huma jerfgħu l-ebda piż speċjali huma magħluqin b’sempliċi arkipjan jew blata ċatta - Għar-raġunijiet li semmejt, il-koppla ta’ Ħal Qormi forsi hija ftit nieqsa mid-dinamizmu u l-forza viżiva ta’ l-Imdina, Birkirkara u oħrajn, iżda ma nkunx qed ngħid ħażin li kemm minn barra kif ukoll minn ġewwa hija waħda mill-isbaħ tal-knejjes Maltin.”

Tajjeb li hawnhekk inżidu x’kien l-aħħar bini li ttella’ fis-seklu sbatax: sagristija li jirreferi għaliha l-Isqof Cocco Palmieri u li kienet lesta sal-1699.(25) Din is-sagristija llum nsibuha bħala s-sagristija l-qadima u jinżammu fiha l-vari tal-Ġimgħa l-Kbira.

Il-Konsagrazzjoni tal-Knisja Parrokkjali

Fl-1727, meta l-kappillan ta’ Ħal Qormi kien Dun Silvestru Desira, laħaq isqof ġdid ta’ Malta: Monsinjur Paolo Alpheran de Bussan. Sa dak iż-żmien f’Malta kien hawn tliet knejjes biss li kienu kkonsagrati, jiġifieri l-Katidral ta’ l-Imdina, San Ġwann fil-Belt, u San Lawrenz fil-Birgu. Iżda l-Isqof Alpheran iddeċieda li jikkonsagra solennement għadd ta’ knejjes parrokkjali. Matul id-29 sena li dan isqof ikkonsagra mhux anqas minn 18-il maqdes. Fosthom il-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi, nhar is-6 ta’ Mejju 1731 bil-parrinijiet, jew xhieda uffiċjali, Dun Gioacchino Camilleri (1671-1745) u Dun Teramo Psaila (1672-1750). Ma’ l-Isqof Alpheran kien hemm, naturalment, il-Kappillan Desira, il-Viċi-parrokku Rev. Dr Giuseppe Vella u l-31 saċerdot li kienu jservu f’Ħal Qormi.

Izda naraw x’ġara fil-jum tal-konsagrazzjoni fil-kliem meqjus ta’ riċerkatur qormi:
“Lejlet il-konsagrazzjoni tal-knisja u ta’ l-artal maġġur, l-isqof ikun ghadda ġurnata sawm. Il-funzjoni, twila ġmielha, bdiet bit-talb quddiem l-artal maġġur, għeri minn kollox. L-isqof niżel matul il-korsija tan-nofs iroxx l-ilma mbierek fuq il-poplu u dawramejt mal-knisja, minn barra u minn ġewwa, biex iberkilha l-ħitan kollha fuq kull naħa. Wara l-qari mill-Kotba Mqaddsa u wara l-omelija, ikkonsagra l-artal maġġur biż-żejt imqaddes. Dak inhar, fl-artal maġġur - tqiegħed l-għadam għażiż tal-qaddisin martri San Ġorġ, San Bonifaċju, Santa Venusta, u Santa Abbundanza. Wara l-konsagrazzjoni ta’ l-artal maġġur, l-isqof niżel jikkonsagra wkoll it-tnax-il salib ingastati fil-pilastri ta’ ma’ tul il-korsija. Imbaghad qabbad l-inċens f’nofs l-artal bi tliet xemgħat mixgħula madwar dak il-ftit inċens. L-artal intrama bil-gandlieri u bil-fjuri, u l-isqof b’gandiletta f’idu xegħel iż-żewġ xemgħat tal-quddiesa, waqt li s-sagristan nizel iqiegħed brazz b’xemgħa waħda quddiem kull wieħed mit-12-il salib tal-konsagrazzjoni. U l-funzjoni tkompliet sa tmiem il-quddiesa.”

Parroċċa Arċipretali

Il-Kappillan Dun Anton Vella ħaseb biex talab lill-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Mikiel Gonzi, biex jgħolli għad-dinjita’ Arċipretali lill-Parroċċa San Ġorġ Martri. Fir-rikors tiegħu, il-Kappillan Vella semma kemm hi antika l-parroċċa, il-bini ta’ knisja ġdida fl-1456, li hi parroċċa matriċi, minn xiex għadda Ħal Qormi fl-Assedju l-Kbir, l-interess tal-Gran Mastri f’Ħal Qormi, ħidmet il-parroċċa fi żmien il-Francizi u l-kleru magħruf għall-għerf u l-qdusija li minn dejjem kellha l-parroċċa fosthom l-Isqof Carmelo Scicluna u l-Professur Monsinjur P.P. Psaila li kien Rettur ta’ l-Universita’. Għalaq ir-rikors tiegħu b’dawn il-kelmiet: “Għaldaqstant, dan li qiegħed iressaq din il-petizzjoni, jitlob bil-qima kollha lill- E. T. Illust. Revd.mu biex tqis din id-daqsxejn ta’ storja tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ li ssawret tul ħames sekoli, u jekk jista’ jkun tinqala’ il-fakolta’ mis-Santa Sede biex din il-Parroċċa tiġi mgħollija għad-dinjita’ ta’ Knisja Arċipretali kif jixtieq il-Kleru u l-Poplu għall-glorja ta’ Alla u tal-Knisja Mqaddsa.”

Ir-rikors tal-Kappillan Vella ntlaqa’ mill-awtoritajiet ekklesjastiċi u d-digriet relevanti inħareġ fit-30 ta’ Marzu 1953 taħt il-firem ta’ l-Arċisqof Gonzi u l-Kanċillier il-Kanonku G. Mifsud. Fih insibu li t-talba tal-kappillan kienet tressqet quddiem is-Santa Sede u li “din l-istess Kongregazzjoni laqgħet it-talba tal-Kleru u tal-Poplu.” Id-digriet jagħlaq b’dawn il-kliem: “GĦALHEKK b’din l-ittra tagħna minnha ffirmata u mogħnija, bis-siġill tagħna bl-Awtorita’ msemmija, irridu li l-Knisja ta’ San Ġorġ Martri fl-art ta’ Ħal Qormi li fuqha ġa tkellimna tkun miżmuma mill-lum ’il quddiem bħala Knisja ARĊIPRETALI u min ikun Kappillan tagħha għandu jissejjah ARĊIPRIET. Maħruġa mill-Palazz Arċiveskovili tagħna fit-30 ta’ Marzu, 1953.”

Afas hawn biex tara d-digrieti.

1. AAM, Segreteria, Gargallo 1579-1608, ff. 43-4 u 50-2; APGQ, Liber II, mhux impaġnat, sezzjoni ta’ l-imwiet. Ħajr lil Kanonku Dun Ġwakkin Schembri li għaddieli dawn ir-referenzi. Ara wkoll J.F. Grima (ed.) (1984), 133.
2. Ikkwotat minn V. Borg, “Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi tinbena u Titħejja għall-Jum il-Konsagrazzjoni Tagħha”, Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi - Erba’ Sekli ta’ Storja, ed. J.F. Grima, Malta 1984, 9.
3. Arkivju Arċiveskovili ta’ Malta (AAM), Vista Pastorali (VP) Cagliares 1615, f. 149r: ecclesia habet plures cappelle et altariohinc hinde et fuit constructa de anno 1584 in duabus regionibus -; AAM, VP Balaguer 1635-37B, f. 54r; AAM, VP Balaguer 1644-46, f. 77v.
4. AAM, VP Libertano 1585, ff. 35r-v; AAM, VP Gargallo 1588, ff. 41r-42r.
5. AAM, VP Gargallo 1588-1602, ff. 189r-191v; AAM, VP Cagliares 1615, f. 149r; AAM, VP Balaguer 1635-37B, ff. 54r-v; AAM, VP Balaguer 1644-46, f. 80r.
6. G. Cardona, “Il-Bini tal-Knisja ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi bejn l-1575 u l-1684”, Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi - Erba’ Sekli ta’ Storja, ed. J.F. Grima, Malta 1984, 28.
7. C. Psaila (1937), 34.
8. Il-Kon-KatidraL ta’ San Ġwann, Santu Wistin fir-Rabat u Ta’ Ġiezu fil-Belt, fost oħrajn.
9. V. Borg (1984), 12.
10. Hekk gara f’Bir Miftuh, iż-Żejtun, Ħal Lija u s-Siġġiewi sal-1614.
11. Knejjes tas-seklu sbatax fuq il-forma ta’ salib Latin jinkludu ta’ Ħ’Attard, Birkirkara (l-qadima), n-Naxxar, il-Mosta, il-Għargħur, Ħaz Żebbuġ, l-Isla u Ħal Tarxien.
12. AAM, VP Cagliares 1629-1630, f. 460v: “ ..ob imminentem fabricam quae continuatur …”
13. AAM, VP Balaguer 1635-37B, f. 56v.
14. AAM, VP Molina 1678-80, f. 359v.
15. Din hi l-fehma ta’ diversi studjużi, fosthom V. Borg (1984), 12, li jgħid kategorikament: “jidhirli li f’dan ix-xogħol tinħass sewwa l-id ta’ Tumas Dingli.”
16. AAM, VP Balaguer 1653-54, ff. 182r-v: “Ecclesia praedicta est pulcherrima ed fere ad perfectione fabrice reductor, defecit solum modo cuppola.”
17. Idem. Tnejn minnhom ilhom bosta snin magħluqin bil-ġebel. Il-ħamsa l-oħra, tlieta tal-faċċata u t-tnejn tal-kappelluni, għadhom hemm.
18. Is-sur Joseph Attard, draughtsman qormi, ħejja sett pjanti tal-knisja u ppreżentahom lill-Arċipriet Dun Edgar Attard f’akkademja mużiko-letterarja kommemorattiva li saret fil-knisja stess f’Ġunju 1984.
19. M. Ellul, “Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi - Apprezzament Arkitettoniku”, Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi - Erba’ Sekli ta’ Storja, ed. J.F. Grima, Malta 1984, 41-56.
20. Ibid., 46. Il-ktieb ta’ Alberti,De Re Aedificatoria, Firenze 1485, tradott bit-Taljan għall-ewwel darba fl-1565, kien magħruf f’Malta u l-Kavallieri kellhom kopja tiegħu li għadu sal-lum fil-Librerija Nazzjonali ta’ Malta.
21. AAM, VP Cocco Palmieri 1685-87B, f. 323v: “..corpus Ecclesiae quod est satio amplius et magnificum ad formam crucis cum cuppola in medio.” Il-vista sehhet fit-28 ta’ Mejju 1686.
22. V. Borg (1984), 13.
23. Għal studju qasir dwar il-koppli ara: L. Mahoney, “Malta’s Domes”, The Sunday Times, Building and Architecture Supplement, 7 ta’ Awissu 1983. Ara wkoll, ta’ l-istess awtur, il-pubblikazzjonijiet tal-1988 u 1996, passim.
24. M. Ellul (1984), 50-1.
25. AAM, VP Cocco Palmieri 1699-1700, f. 102v.

Mill-Ktieb "Minn Ġrajjiet Parroċċa Maltija: SAN ĠORĠ ta' ĦAL QORMI ca. 1400-2003" ta' Dr. J. F. Grima - 2003


Please email for support

E-mail: [email protected]

LAST UPDATED 12-02-2009

aboutmalta.com

 

Hosted by www.Geocities.ws

1