|
Il-Kappillani
u l-Parroċċa ta’ Kristu
Re
L-Ewwel Kappillan -
Dun Salv Chircop
Dun Salv Chircop mill-Belt Valletta, kien Rettur tas-Seminarju,
imbagħad Kappillan Tar-Rabat,
u ġie Kappillan f’Raħal Ġdid mit-12 ta’ Lulju 1910
‘il quddiem. Dam sa l-1914 meta mar
kappillan is-Siggiewi. Rega’
ġie f’Marzu 1922 u baqa’ sakemm miet hawn fil-25 ta’ Jannar 1928.
Fi żmienu tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-knisja
l-ġdida fl-1923 u beda l-bini sa l-1926 meta kien hawn xi nkwiet u
l-bini waqaf. Hu
kien raġel eżemplari, ta’ dixxiplina u qeda dmiru tajjeb ħafna fil-parroċċa.
It-Tieni Kappillan -
Dun Emmanuel Vella
Dun Emmanuel Vella, mill-Isla, sar Kappillan fl-1914 u miet hawn
fl-1917. Kien bniedem qaddis u
nistgħu ngħidu, li
biż-żelu tiegħu
ħassar saħħtu.
It-Tielet Kappillan - Dun Enrico Bonnici
Dun Enrico Bonnici mill-Isla sar Kappillan fl-1914 u dam sa
l-1917. Fi żmienu sar
il-proġett tal-knisja l-ġdida u bdew jinġabru l-flus. Imbagħad sar kappillan tar-Rabat u
wara sar Rettur tas-Seminarju.
Laħaq Monsinjur tal-Katidral u dam Kanċillier tal-Kurja
Arċiveskovli sa l-1951. Kien bniedem ġentlom, mogħni
b’ħafna doti u ħabrieki.
Meta miet il kappillan Chircop u Bonnici kien kappillan ir-Rabat,
L-Arċisqof ħatru wkoll Amministratur ta’ Raħal Ġdid.
Ir-Raba’ Kappillan -
Dun Emmanuel Vella
Dun Emmanuel Vella skond E.B. Vella, mill-Ħamrun, ġie
Kappillan F’Ottubru 1928 u dam sa l-aħħar tal-1936 meta sar
Propostu ta’ Birkirkara. Wara sar
Monsinjur il-Katidral u sar ukoll Arċidjaknu sakemm miet f’Birkirkara
fis-7 t’Ottubru 1979. Fi
żmienu kompliet tinbena l-Knisja l-maġġuri. Bdew isiru quddisiet u l-knisja
tbierket, u bdiet tiffunzjona bħala parroċċa. Kien bniedem żelanti u ta’
dixxiplina kbira.
Il-Ħames Kappillan - Dun Francesco Xuereb
Dun Francesco Xuereb miż-Żejtun kien ilu joqgħod
Raħal Ġdid mindu kellu 16-il sena. Qaddes fl-1927 f’ Sta. Ubaldeska. Fl-1932 sar
Kappillan ta’ Ħal Kirkop fejn dam sa l-1936. F’Marzu 1937 ħa l-pussess bħala kappillan ta’
Raħal Ġdid, l-ewwel pussess fil-knisja l-ġdida. Taħt it-tmexxija tiegħu
fl-1938 ingħata bidu għall-portiku tal-knisja. Minħabba l-gwerra kollox waqaf
għax ir-Raħal svojta min-nies.
Wara l-gwerra, ħa fuqu
d-dejn li kellha l-knisja biex sar is-saqaf biex jiffranka l-imgħax, u
mbagħad fl-1946 tkompla l-gwarniċun tal-knisja u ssaqfet
biż-żingu. Wara dan, sar ix-xogħol kollu ġa msemmi tal-bini
tal-knisja. Spiċċa minn
kappillan fl-1962 u sar Monsinjur Onorarju tal-Katidral; pero bi stedina
tal-kappillan ta’ warajh u ta’ l-Arċisqof żamm f’idejh
l-Amministrazzjoni tal-knisja.
Fl-1964 ried jibni l-Knisja tal Madonna ta’ Lourdes li tlestiet
f’sentejn u baqa’ jieħu ħsiebha sakemm miet fit-22 ta’ Lulju 1976. Fi-żmienu wkoll inbnew is-Sala
Parokkjali, L-Oratorju, is-Sagristija, u d-dar tal-Kappillan, kif ukoll
saru l-vari tal-Ġimgħa l-Kbira, l-artal maġġur ta’
l-irħam, u t-tagħmir kollu li hemm fil-knisja ilum. Kien benefattur kbir kemm
tal-Parroċċa ta’ Kristu Re kif ukoll tal-Knisja ta’ Lourdes.
Is-Sitt Kappillan -
Dun Adolf Agius
Dun Adolf Agius twieled San Pawl-il-Baħar iżda, trabba
Raħal Ġdid sa minn tfulitu.
Qaddes fl-1 t’Awissu 1943 f’Raħal Ġdid u mill-ewwel beda
x-xogħol ta’ Viċi Parrokku.
Fl-1945 inħatar Pro Kanċillier tal-kurja u baqa’
jaħdem ta’ Viċi Parrokku sa l-1952. Meta ħassu ħazin il-Kappillan Xuereb, kien nominat
Vigarju Kurat tal-Parroċċa.
Fis -16 ta’ Marzu 1952 ħa l-pussess ta’ Ko-adjutur
tal-Parroċċa. Ħadem
id f’id mal-Kappillan Xuereb fix-xogħol kollu sa l-1962 meta Xuereb
irreżenja għax sar-Monsinjur.
Dam Kappillan sa Diċembru ta’
l-1982. Kif ġa għedna,
ħadem id f’id ma’ ta’ qablu fil-bini u t-tiżjin kollu tal-knisja
li semmejna, kemm ta’ Kristu Re u kemm tal-Madonna ta’ Lourdes. Ħa ħsieb it-tibdiliet li
seħħu mal-Konċilju Vatikan II. Flimkien ma’ volontieri oħra, indura
l-koppla. Fi żmienu wkoll,
il-festa tat-titular Kristu Re, ħadet xejra isbaħ u ikbar. Fit-3 ta’ Ġunju 1967, l-E.T.
Arċ., Mikiel Gonżi kkonsagra l-knisja ta’ Kristu Re, u kien fi
żmienu li l-Knisja ta’ Lourdes saret Parroċċa. Fi Frar 1983
inħatar monsinjur Onorarju tal-Kattidral u mħallef fit-Tribunal
taż-Żwiġijiet.
Is-Seba’ Kappillan -
Dun Anton Gouder
Dun Anton Gouder mill-Isla, ħa l-pussess bħala kappillan
ta’ Raħal Ġdid fil-5 ta’ Frar 1983. Ħa f’idejh il-ħidma pastorali b’żelu
kbir. Ta bidu għar-restawr
tas-saqaf tal-knisja u bena maħżen sotteran fuq il-ġenb tal-knisja
fi Triq Ġuże D’Amato.
Sejjaħ l-ewwel Assemblea Parrokkjali u fetaħ id-dar Agape
b’riżq ir-rijabilitazzjoni tad-drogati. Il-motto tal-Kan. Anton
Gouder kien: “Biex inkunu lkoll ħaġa waħda.“ Kien verament saċerdot ta’
kulħadd; maħbub u
miġjub mill-poplu. Il-Kan.
Anton Gouder ġie maħtur, mill-E.T. Mons. Ġużeppi
Mercieca Arċisqof Metropolita ta’ Malta, bħala Segretarju
Pastorali.
It-Tminn Kappillan - Dun Anton Cassar
Dun Anton Cassar twieled is-Siġġiewi nhar il-5 ta’ Awissu,
1946.
Ħa l-ewwel edukazzjoni fl-Iskola Primarja tal-Gvern
ta’ Ħal-Luqa. Kompla s-Sekondarja fil-Kulleġġ San
Alwiġi ta’ Birkirkara. Wara l-istudju u t-tħejjija
għas-saċerdozju fis-Seminarju, issokta bl-istudji fl-Università.
Ġie ordnat saċerdot fl-20 ta’ Lulju 1974 u beda l-ħidma
pastorali tiegħu f’raħal twelidu. Bniedem attiv ħafna, Dun Anton Cassar, fi tmiem
il-ġimgħa kien jagħti s-servizzi tiegħu
fil-parroċċa ta’ Santa Luċija u fil-Knisja ta’ l-Erwieħ
f’Ħal Tarxien.
Qabel sar Kappillan ta’ Ħal Għargħur fil-11 ta’ Marzu
1984, kellu diversi karigi fil-Moviment Ħidma Soċjali, kien
Assistent tad-Direttur tal-Kunsill Nazzjonali tal-Caritas, ħadem
fl-Uffiċċju Missjunarju fejn ta sehmu fil-perjodiċi Knisja
Missjunarja u Missionward.
Ħadem ukoll fl-Uffiċċju Kleru u Parroċċi
fil-Kurja u kien Animatur Spiritwali ta’ diversi gruppi
reliġjużi.
Ġie nominat kappillan tal-Parroċċa Kristu Re Paola nhar
is-16 ta’ Settembru 1989.
Nhar il-Ħadd, 5 ta’ Novembru, 1989, ingħata l-pussess
tal-Parroċċa Kristu Re mill-Vigarju Ġenerali, Mons. Annetto
Depasquale.
Matul il-kappillanat ta’ Dun Anton Cassar sar it-tqegħid ta’
l-artal maġġur u l-prespiterju rħamat, imponenti u sabiħ kif inhu llum,
il-knisja tlestiet kważi kollha miż-żebgħa u
z-zukklaturi ġew irħamati dawramejt. Ma’ dan wieħed irid jinkludi wkoll l-iskultura li saret
fuq l-artali, is-swali li nbew taħt il-knisja, ir-restawr tal-kampnari
u tas-Sagristija wara li nħarqet.
Dun Anton Cassar temm ħidmietu f’din il-parroċċa nhar
il-Ħadd, 4 ta’ Jannar 1998, peress li E.T. Mons. Arċisqof
ħatru kappillan ta’ Ħaż-Żabbar.
Id-Disa’ Kappillan -
Dun Noel Vassallo
Twieled
fl-Imġarr
(Malta) fit-23 ta’ Dicembru 1957. Ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-Iskola ta’ l-Imġarr minn fejn għadda
għas-Seminarju Minuri.
Fl-1976 huwa beda l-preparazzjoni għall-ħajja
saċerdotali fis-Seminarju Maġġuri. Matul il-ħajja fis-Seminarju kellu esperjenza ta’ sena
ta’ ħidma manwali ma’ Ħal Mann Vella Tiles u esperjenza qasira
fit-Tarzna ta’ Malta.
Ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju 1984. Huwa ġie assenjat ma’
l-Uffiċċju Djar tat-Tfal fejn kien jokkupa l-kariga ta’ Assistent
Direttur u kien jgħin fil-Parroċċa ta’ l-Imġarr fejn
okkupa l-kariga ta’ Direttur ta’ l-Oratorju “Qalb bla Tebgħa ta’
Marija” li fih tinsab is-Sala “Dun Edgar”
Fl-1990 beda jokkupa l-kariga ta’ Direttur ta’ l-Uffiċċju
Djar tat-Tfal u f’ Novembru 1993 beda l-ħidma tiegħu fil-Parroċċa
tal-Manikata bħala Kappillan filwaqt li baqa’ jaħdem
fl-Uffiċċju Djar tat-Tfal.
Beda l-ħidma tiegħu bħala Kappillan
tal-Parroċċa Kristu Re, fl-8 ta’ Marzu 1998 fil-quddiesa ta’
filgħaxija.
Ikompli >>
|