|
Deskrizzjoni tal-Knisja ta’ Kristu Re
Il-knisja parrokkjali ta’ Kristu Re F’Raħal Ġdid
għandha għamla ta’ Salib latin.
Fuq in-naħa ta’ quddiem, iħares lejn il-pjazza, hemm
zuntier spazjuż b’ballavostri sbieħ madwaru. Fil-faċċata il-knisja
għandha portiku 30 mtu wiesa’ b’sitt kolonni skond l-ordni jonika
modern. Fih
tliet bibien kbar. Fuq il-ġnub
tal-portiku hemm żewġ kampnari 10 metri wisgħin u 50 metru għoljin kull wieħed. Min-naħa ta’ ġewwa l-knisja hi
magħmula minn kursija 13-il metru wiesgħa, u żewġ
navati fuq ġenb, 6 metri wiesgħa kull waħda. It-tul kollu tal-knisja mill-portiku sa
wara l-kor huwa ta’ 83 metru. Bejn in-navati u l-kursija ma hemmx ħlief kolonni, apparti l-erba’
pilastri maġġuri tan-nofs.
Għalhekk, il-veduta min-navi mhix imfixkla żżejjed. Fuq il-ġnub tal-knisja hemm
żewġ kappelluni fejn hemm il-bibien laterali, wieħed
għal Triq Ġuże D’Amato u l-ieħor għal Vjal
il-Knisja. Dawn ukoll
għandhom portiku sabiħ b’erba’ kolonni kull wieħed. L-erba’ pilastri jżommu
l-ħnejjiet il-kbar tan-nofs, li huma għoljin 13-il metru. Fuqhom iżżomm il-koppla li
għandha 24 kolonna. Iżjed
‘il fuq hemm gwarniċa mnejn tibda l-iskutella. Fuqha hemm il-lanterna u fuq
il-lanterna s-salib. L-għoli
mis-salib sal-art hu ta’ 60 metru.
It-tmintax il-kolonna tal-konkrit u l-ħitan ta’ barra
jżommu l-ħnejjiet tan-navi.
Dawn il-ħnejjiet iżommu dsatax-il kopletta li hemm fuq
il-kappelli li hemm fin-navi.
It-tmintax iI-kolonna
tal-konkrit iżommu wkoll il-ħnejjiet li jifilħu t-tieni
ordni u l-arkatura tal-knisja. Kull kappella hija għat-tond b’tieqa
fin-nofs u taħtha mensola għall-istatwa tal-qaddis. Fuq il-bieb tal-korsija u fuq it-2
tal-kappelluni hemm galleriji kbar.
Dawn biex jistgħu jservu għall-orgni. L-akbar wisa’ tal-knisja huwa ta’ xi 42
metru bejn iż-żewġ bibien tal-kappelluni, Il-knisja hija
mibnija mill-ġebel tal-franka.
In-naħat ta’ barra tas-soqfa u l-pilastri u l-kolonni huma
magħmulin mill konkrit.
L-altar maġġur jinsab f’nofs il-presbiterju fuq taraġ
baxx. L-altar tas-sagrament
imqaddes jinsab fil-kappelluni ta’ wara taħt l-istatwa ta’
l-irħam ta’ Kristu Re. Qabel
ma nbniet is-Sagristija li hemm illum, kienet tintuża waħda
mibnija taż-żingu u l-injam fil-portiku tal-kappelluni ta’ Vjal
il Knisja.
Fuq in-naħa ta’ Triq D’Amato hemm mibnija sagristija spazjuża
b’altar u “Lockers” li nbniet fl-1959 u nfetħet sena wara. Magħha jagħmel
l-uffiċċju tal-Kappillan.
Fuq in-naħa ta’ Triq Lampuka hemm ir-residenza uffiċjali
tal-Kappillan li nbiet ftit wara s-Sagristija. Fl-1983 kien irranġat zuntier fi triq Ġuże D’Amato u taħtu tħaffru
mħażen għall-ħtiġiet tal-Knisja. Fuq in-naħa
ta’ Vjal il-Knisja jinsab l-Oratorju u taħtu Sala Parrokkjali.
Fil-Knisja hemm diversi opri ta’ l-arti sagra. Fil-Kappella
tas-Sagrament, li qiegħda wara nett, hemm statwa ta’ Kristu Re ta’
l-irħam. Din kienet
inħadmet Ruma fl-1936 u kienet rigal tas-Sur Ġiovanni Battista
Decesare mill-Isla. Fuq
in-naħa l-oħra tal-bieb tas-Sagristija hemm il-kappella ta’ San
Lawrenz. L-istatwa kienet
inħadmet f’Bolzano, l-Italja.
Tħalliet mis-Sur Antonio Caruana u ntriga minnha Patri Daniel
Tabone. Fuq in-naħa
l-oħra tal-bieb ta’ l-Oratorju hemm il - Kappella ta’ San Piju X.
b’altar maħdum minn Lawrence Tabone u bi statwa ta’ Ġesu
Nazzarenu. Ħdejn il-kappella
ta’ San Lawrenz hemm il-Kappella ta’ San Pawl u faċċata
tiegħu hemm dik ta’ San Pietru.
L-artali ta’ dawn il-kappelli swew Lm.1000.00,
u ħallashom Pawlu Seguna. Qrib
il-kappellun tinsab il-kappella ta’ San Ġużepp, hemm il-kappella
ta’ San Franġisk b’pitturi ta’ l-istess artist. Għal din il-kappella ħalla
fondazzjoni għall-Quddisiet il-Mons. F. Xuereb. Fin-navi ta’ ħdejn il-kappellun
hemm iż-żewġ kappelli ddedikati lill-Marija Bambina
(Il-Vitorja) u l-lmmakulata Kunċizzjoni b’altari u statwi sbieħ
ta’ l-irħam. Il-Bambina
nħadmet Malta minn Spiteri Sacco u ħallasha Ġiovanni
Battista Decesare.
Il-Kunċizzjoni nħadmet mill-istess statwarju u
tħallset min Lawrence Tabone.
Il-bibien ta’ barra tqiegħdu fid-19 ta’ Marzu 1954. L-injam inġab
miż-Żebbiegħ u nħadem minn Ġużeppi
Schembri. Il-
qniepen inġiebu minn Sta. Ubaldeska, iżda wara
nġieb sett ġdid fl-1960 li tbierek minn Mons. Arċisqof Mikiel Ġonzi. Kienu ngħataw lilu mis-Sinjura
tal-Professur Bliss, il-Barunessa Zimmerman, li kienet akkwistathom
mill-Universita ta’ Milwaukee fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika.
Problema li l-Kappillani ta’ Raħal Ġdid kellhom iħabbtu
wiċċhom magħha minn dejjem kienet li l-Knisja hi tant kbira
li ma’ tistax tkun imżejna
bħal knejjes oħra ta’ Malta.
Barra minn hekk, ix-xogħol ta’ restawr, minħabba l-istess
kobor ta’ Knisja, jibda min-naħa hekk kif ikun spiċċa
mill-oħra. Biżżejjed ngħidu li s-soqfa kienu
mgħoddijin bosta drabi b’materjal kontra l-umdita u nfiltrazzjoni ta’
l-ilma. Lanqas kienet deċiżjoni għaqlija li l-kapitelli
tal-kolonni tal-konkos isiru mill-ġebla tal-franka, għaliex
ħafna minnhom saritilhom il-ħsara, mill-elementi u
biċċiet minhom waqħu, forsi minħabba l-espansjoni u
l-kontrazzjoni tal-ħadid li jgħaqqadhom mal-konkrit.
Iżda xorta waħda ta’ min igħid li n-nies ta’ Raħal
Ġdid huma kburin li bnew tempju li jixraq lil Kristu Sultan u lil
raħal daqshekk kbir, mhux biss fil-għadd tan-nies, iżda
wkoll fil-ġenerożita tiegħu. Din hija l-ikbar knisja ta’ Malta fl-estenzjoni. Fiha madwar 500 qasba kwadra, u
l-Pawlisti, fil-biċċa l-kbira tagħhom, igħinu
fit-tkomplija tal-bini, tiżjin u restawr tagħha.
Ikompli >>
|