Knisja Parrokkjali Parroċċa Kristu Re

Uffiċċju Parrokkjali • Dar Parrokkjali • Triq Lampuka • Paola PLA 06

Tel: (+356) 695022 • Fax: (+356) 805955

[email protected]

 

 

 

 

 

 

 

Bidu

 

Merħba

 

Storja

 

Kleru

 

Quddies

 

Servizzi

 

Għaqdiet

 

Is-Saltna

 

Avviżi

 

Ħolqa ma' ...

 

Nisimgħu minn għandek

 

Ħajr

 

 

 

 

 

Storja tal-Parroċċa ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid

 

It-Tieni Ġwerra Dinjija

Fl-10 ta’ Gunju 1940, l-Italja ddakjarat gwerra kontra l-Ingilterra u Franza. Sa dak in-nhar, bosta Maltin kienu mħassbin fuq il-ħbiberija, li Benito Mussolini, il-Prim Ministru ta’ l-Italja faxxista, wera m’Adolf Hitler, il mexxej tal-Germanja Nażista. Mill-11 ta’ Gunju 1940 ‘il-quddiem iżda, il-poplu Malti daħal fl-itwal żmien ta’ prova u tbatija li qatt għadda minnhom. Il-gwerra, li għall-Maltin spiċċat bl-aħħar attakk mill-arju fit-28 t’Awissu 1944, qatlet kważi 1500 ruħ ċivili, u ġarrfet eluf ta’ djar. Il-ħajja ċivili tal-pajjiż raqdet għal erba’ snin sħaħ.

Peress li Raħal Ġdid jinsab qrib it-tarzna u l-port tal-Marsa, kif ukoll mhux bogħod mill-ajruport ta’ Ħal Luqa, wieħed malajr jobsor li kien se jkun milqut minn ħbit mill-ajruplani ta’ l-egħdewwa. Saru ħafna preparamenti għall-emerġenza tal-gwerra. Malta tqassmet f’distretti biex ħaddiema fl-impieg tal-gvern ikunu jistgħu jagħtu l-ewwel għajjut u jorganizzaw il-popolazzjoni fi kwalunkwe bżonn. Raħal Ġdid kien fid-distrett tal-Kottonera, Kalkara, Wied il-Ġħajn, Ħaż-Żabbar, Ħal Tarxien u Ħal Luqa. It-Tabib Pawlu Boffa kien il-kummissarju Distrettwali. Miegħu ħabirku ħafna l-“Protection Officers” L. Farruġia, li kien jieħu ħsieb Raħal Ġdid u l-Kottonera, kif ukoll is-sur Anthony Bilocca, supretendent ta’ l-“Air Raid Protection” għal Raħal Ġdid u Ħal Tarxien.

Barra minn hekk issejħu nies komuni għas-servizz militari li ffurmaw riġmenti ġodda u mħarrgin biex jagħmlu xogħol pubbliku barra dak militari, anke f’Raħal Ġdid barra minn f’irħula oħra.

Minħabba l-biża’ li dawn l-inħawi kienu se jintlaqtu ħażin bil-gwerra, l-iskola Mater Boni Consilii nbidlet fi sptar ta’ l-emerġenza; iżda dan ma damx minħabba l-biża’ li jintlaqtu. Fil-kmamar kbar li hemm, il pazjenti kienu kkurati minn tobba u nfermiera li wrew dedikazzjoni u qlubija f’xogħolhom, minkejja li kien għad m’hemmx postijiet għall-kenn mill-attakki mill-ajru (shelters). Ħafna drabi kienu joperaw u jikkuraw pazjenti waqt li kienu jisimgħu l-ħbit fuq il-Kottonera. Dan l-isptar kien fih 200 sodda u ħalla isem għax-xogħol li għamel Dr. E. Agius li xtaq li jkun trasferit għal dan it-taħbit, mix-xogħol ta’ batterjoloġista li kellu fl-isptar San Luqa.

L-ewwel attakki mill-ajru saru fil-11 ta’ Ġunju 1940. L-aktar postijiet li ntlaqtu kienu l-Kottonera, il-Marsa, Ħal Luqa u l-Belt. Dak in-nhar mietu xi 25 ruħ u għalhekk fil-għaxija mijiet ta’ nies mill-lbliet għaddew mir-Raħal Ġdid fi triqithom lejn l-irħula fejn kien hemm inqas periklu. Ġara Iżda, li minħabba li t-Taljani ma baqgħux jattakkaw lil Malta bl-istess ħruxija, ħafna minn dawn ir-rifuġjati reġgħu lura Raħal Ġdid sa l-aħħar ta’ l-1940. Ħafna minnhom kienu qed jagħmlu żball li swielhom ħajjithom.

Fis-16 ta’ Jannar 1941, daħal konvoj fil-port. L-aircraft carrier “Illustrious” kienet trakkat taħt Kordin fi French Creek, It-Taljani u l-Ġermaniżi ħalfu li jgħarrquha qabel jinħattu l-ħażniet li ġabet. Fis-16,17,18 u 19 ta’ Jannar id-“dive bombers” Stuka, Ġermaniżi attakkaw il-portijiet bla waqfien. L-Isla ġġarrfet, Kordin kien ħuġġieġa nar b’bombi jisplodu u nar itir mill-kanuni. In-nies ta’ Raħal Ġdid għaddew mill-eqqel jiem tal-gwerra. Waqgħu bosta djar u mietu ħafna nies . Mijiet oħrajn telqu lejn l-irħula. Din il-battalja ħalliet lil Raħal Ġdid post kważi vojt. Kullimkin kien sieket u kien jirrenja l-baħħ. Fis-16 ta’ Jannar, 21 ruħ kienu niżlu f’shelter hekk kif beda l-ħbit fuq l-Illustrious. Bomba farrket id-dħul u radmithom hemm filwaqt li dan il-kenn beda jimtela bl-ilma ġieri. Għal jumejn sħaħ, grupp ta’ nies svojtaw bir li kien biswit is-shelter, għamlu ħofra fil-ħajt u salvaw 18 minnhom.

Hekk għaddiet is-sena 1941, fost attakki mill-ajru u toroq siekta u vojta. In-nies li baqgħu jgħixu hawn qattgħu sigħat twal, anke ġieli ġranet u ljieli sħaħ, joqogħdu u jorqdu taħt l-art. Kienu mijiet il-familji li qattgħu l-blat u taħt djarhom u b’ħekk bnew shelters privati. Oħrajn kienu jinqdew b’shelters pubbliċI fit-toroq. L-iskejjel ma fetħux bejn l-1940 u l-1942. Il-quddisiet baqgħu jsiru regolarment, u s-Sagramenti saħħew il-moral tal-fidili. Iżda l-kbir kien għadu ġej. L-egħdewwa kienu ddejqu b’Malta, peress li minn hawn kienu jkunu attakkati l-vapuri tagħhom, minn u lejn l-Afrika, u qatgħuha li fil-10 ta’ Lulju 1942 jinvadu lil Malta bi 80,000 u jinnewtralizzawha. Kontinġent ta’ “parachuters” kellhom jinżlu f’Raħal Ġdid u minn hemm jattakkaw Kordin, Ħal Luqa u t-Tarzna. Bi thejjija għal dan, bdew jattakkaw lill-konvojs li kienu jittantaw jiġu Malta u bejn Diċembru 1941 u Awissu 1942 ma daħal ebda vapur, għajr submarines. Barra minn hekk bdew jattakkaw b’iżjed qilla l-portijiet u l-ajruporti kuljum. Bejn Jannar u April 1942, kien hawn 1529 “Air Raids Warning” f’ 181 ġurnata. Fortunatament għal Malta, l-invażjoni ma seħħetx għax il-Ġeneral Ġermaniż Rommel kien għoddu wasal f’Lixandra u ħass li 80,000 ruħ kellu bżonnhom hemm, iżda l-qerda u l-moħqrija li ġabet din it-thejjija kienet tal-biża’. Għalkemm mhux f’Raħal Ġdid biss, mijiet ta’ nies kienu jagħmlu l-kju biex jieħdu kwart ħobż kuljum mill-Victory Kitchens. Il-biża kien kbir u ħafna sfaw rovinati jekk mhux bil-mewt, bil-mard jew bil-għaks. L-agħar ġranet għal Raħal Ġdid kienu t-12 u t-13 ta’ Frar, meta ġġarrfu 100 dar, l-iżjed fil-pjazza. Hawn min igħid li minħabba li l-Knisja Parrokkjali li kienet qed tinbena kellha s-saqaf ta’ l-injam, il-bdoti ġieli tfixkluha ma’ xi maħżen militari. F’dawk il-ġranet kien hawn ħerba sħIħa f’Raħal Ġdid, l-iżjed minn batteriji ta’ kanuni ack ack li kien hawn f’San Ġakbu (nofs triq lejn Ħal-Luqa), Tal-Borġ, Kordin u Ħal Tarxien.

Fl-aħħar xhur ta’ I-1942 u fil-bidu ta’1943, il qagħda ta’ Malta tjiebet. Dan għaliex il-qawwiet ta’ l-Allejati (Ingliżi u Amerikani) irnexxielhom ikaxkru lill-Ġermaniżi u t-Taljani lura minn El Alamejn sa ġol-Libja u t-Tuneżija. F’Mejju 1943, l-Assi ċedew f’Tunes. B’hekk il-konvojs Ingliżi setgħu jidħlu fil-portijiet ta’ Malta b’inqas xkiel, u ttaffa l-ġuħ. Fis-sajf ta’ l-1943, eluf ta’ suldati kienu kkampjati fl-egħlieqi ta’ madwar Raħal Ġdid, lesti fil-bidu ta’ Lulju biex jinvadu Sqallija. F’Settembru ta’ wara, l-Italja ċedit u s’Awissu ta’ l-1944 kollox kien reġa’ lura għan-normal. Ħafna Pawlisti, li kienu rifuġjati, reġgħu bdew ġejjin lura lejn Raħal Ġdid.

Ikompli >>

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Escati Free Counter
You are Visitor No:

View Counter Stats
Hosted by www.Geocities.ws

1