Knisja Parrokkjali Parroċċa Kristu Re

Uffiċċju Parrokkjali • Dar Parrokkjali • Triq Lampuka • Paola PLA 06

Tel: (+356) 695022 • Fax: (+356) 805955

[email protected]

 

 

 

 

 

 

 

Bidu

 

Merħba

 

Storja

 

Kleru

 

Quddies

 

Servizzi

 

Għaqdiet

 

Is-Saltna

 

Avviżi

 

Ħolqa ma' ...

 

Nisimgħu minn għandek

 

Ħajr

 

 

 

 

 

Storja tal-Parroċċa ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid

 

Raħal Ġdid - Wild in-Nieqa Pubblika (1840 – 1900)

Fl-1842, il-popolazzjoni ta’ Raħal Ġdid kienet 107. Dan kien nuqqas fuq snin ta’ qabel. Probabbli li dan seħħ għax fl-1813 ħakmet il-pesta f’Malta, u wara l-ewwel ta’ Lulju 1837 il-kolera ħasdet ħafna nies. Sa l-1861 f’Raħal Ġdid kien hawn 485 ruħ imqassmin hekk:

 

Nies

Djar/Familji

Piazza Paola

46

16

Strada Loggia

122

34

Strada Valletta

18

5

Strada Nuova, u Santa Ubaldesca

21

7

Strada Fosso, Zecca u Sammat

28

7

Il-Ħabs ta’ Kordin bil-ħatjin u l-arrestati

207

1

Impjegati tal-ħabs u Familji tagħhom

35

7

Pulizija

1

1

Pulizija tal-baħar

7

1

Nies f’Raħal Ġdid - Total ta’

485

79

 

Meta nqisu li ta’ l-aħħar erba’ kategoriji kienu jgħixu f’Raħal Ġdid minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom jew bla ebda liberta, allura n-nies li kienu jgħixu hawn għax kellhom djarhom kienu biss 235 f’69 dar. L-ewwel zvilupp urban beda fin-naħa ta’ Santa Ubaldesca u xtered maż-żmien. Fatti nteressanti juru li minn 235 ruħ:

93

Kienu taħt l-20 sena.

119

Kellhom bejn 20 u 59 sena.

23

Kellhom 60 sena jew aktar.

235

Total

 

8 kienu persuni b’diżabilita u 75 kienu jafu jiktbu u jaqraw bl-Ingliz jew bit-Taljan.

Kien hemm 6 trabi taħt is-sena. Fi Sta. Loġġa kienu joqogħdu tlieta mis-sitt itrabi ta’ Raħal Ġdid, kif ukoll l-akbar numru ta’ żgħażagħ. Għalhekk nassumu li l-aħħar żviluppi fis-snin 1850 kienu fi Sta. Loġġa. Kien hemm raġel ‘il fuq minn 90 sena u tlett irġiel u mara bejn it-80 u l-84 sena. Id-dettalji taċ-ċensiment ta’ l-1861 rigward ix-xogħol tan-nies ta’ Raħal Ġdid jinkludi n-nies li kienu jaħdmu fil-ħabs jew pulizija. Nafu li kien hawn qassis wieħed, żewġ nobbli, ħames propjetarji ta’ l-art, 7 impjegati tal-Gvern, 25 bidwi, 42 mara tad-dar, 3 studenti liċejali jew universitarji, 4 itfal fil-primarja, 15 li ma kellhomx għalfejn jaħdmu għax kienu qegħdin tajjeb u 60 li kienu qiegħda.

Wieħed jista’ jgħid li Raħal Ġdid jaf il-bidu u t-tkabbir tiegħu lin-nefqa li l-Gvern Kolonjali kien jagħmel minn żmien għall-ieħor. Fl-1840 beda x-xogħol fuq il-baċir numru 1, f’Bormla. Dan kien lest fl-1850. Fl-istess sena, inbena ġibjun kbir f’Kordin għall-ammiraljat. Għall-ħabta ta’ l-1840 ukoll, id-daħla tal-Marsa nbidlet f’port siewi, il-Port il-Ġdid. Fl-1870 dan il-proġett kien lest. Fl-1859 beda t-tħammil tal-ħama u ta’ l-ilma qiegħed tal-Marsa. Dan ta’ r-ruħ lil Raħal Ġdid għax spiċċa l-biża ta’ mard bil-malarja. Fl-1830 miet il-Kaptan Ingliż Sir Robert Cavendish Spencer F’Lixandra. Hu ndifen il-Belt. Bħala qima, l-uffiċjali u baħrin tiegħu bnewlu obelisk 20 metru għoli f’Kordin. Hemm dam sa l-1893 meta għal raġunijiet militari tneħħa minn hemm u tqiegħed il-Blata l-Bajda fejn għadu sa Ilum.

Fl-1840 kien hemm ħsieb li tinbena belt ġdida fuq Kordin. Kienet diġa ntgħażlet pjanta tal-perit Ġużeppi Bonavia, u nxtrat l-art u ttella’ xi bini, meta f’daqqa waħda, L-ingineria militari nġliżi ħarġu b’veto għal-raġuni li hemm kien ta’ siwi għalihom f’każ ta‘ gwerra. Ix-xogħol tħalla. Minn dak Iż-żmien sa l-1972 Kordin saret art esklussiva għall-militar. F’Mejju ta’ l-1840, inbnew imħażen għat-tarzna. Minflokha nbniet waħda żgħira fi Triq Żabbar, izda malajr din tħalliet għal waħda akbar fil-Marsa. Fabbrika ċivili li kien hemm Kordin kienet dik t’Anġlu Busuttil. Din kienet fonderija, u nfetħet fl-1850. Kien hawn fonderija oħra għaċ-ċomb, li nfetħet fl-1850.

Żviluppi ġodda li ġabu x-xogħol u n-nies Raħal Ġdid kienu l-bini taż-żewġ ħabsijiet, wieħed ċivili fl-1848-9  u l-ieħor militari fl-1865-6. Il-ħabs ċivili, li qiegħed ħdejn Triq il-Belt Valletta, inbena skond il-pjanti tal-perit Arrowsmith ikkupjati minn pjanti ta’ ħabs f’Londra. F’dak iż-żmien in-nefqa laħqet it-Lm.3000. Huwa kien inawgurat fl-1 ta’Jannar 1850. Barra dan il-ħabs ġew irranġati sew il-kappella tiegħu tas-Salvatur kif ukoll iċ-ċimiterju tiegħu.

Ġewwa s-swar ta’ Kordin, fejn illum hemm il-Paola Tennis Klabb, fl-1865 inbena id-“detention barraks”, jigifieri l-ħabs għas-suldati Ngliżi, skond il-pjanti tal-periti Churchward u Andrews. Djar ħelwin huma dawk li qegħdin fit-telgħa li tagħti għalih, li nbnew fl-1905 għas-surġenti tal-ħabs u li llum jinsabu f’idejn l-Ambaxxata Korejana.

Fl-1862, fi żmien il-gvernatur Sir John Gaspard Le Merchant, ingħata bidu għal ċimiterju f’Tal-Ħorr, bl-isem ta’ “Addolorata” biex jindifnu n-nies ta’ l-ibliet. Il-pjanti tlestew minn Manwel Galizia u l-proġett tmexxa taħt Mikiel Busuttil. Tlesta fl-1869 meta tbierek. L-ewwel difna saret fit-23 ta’Jannar 1872. Din kienet ta’ Anna Magro, tallaba ta’ 64 sena min-Naxxar li kienet toqgħod il-Mosta. Sas-16 ta’ Frar 1985 kienu ndifnu 245,453 persuna.

Iċ-ċimiterju jinsab fuq l-għolja fit-telgħa tal-Ħorr wara palma qadima li tat l-isem lil dawk l-inħawi. Peress li hu f’telgħa jidher isbaħ u jidher sew mill-bogħod. Il-bini tiegħu hu kollu bi stil gotiku, li jagħti lemħa traxxendentali, u hu maqsum f’żewġ diviżjonijiet: tal-Lvant u tal-Punent.

Kull diviżjoni hi maqsuma f’Sezzjonijiet skond l-ittri ta’ l-alfabett. Kull sezzjoni hi maqsuma f’kompartamenti, ukoll skond l-ittri ta’ l-alfabett, u kull wieħed minn dawn hu maqsum f’oqbra nnumerati. F’kull diviżjoni nfetħu sezzjonijiet ġodda matul iż-żmien. Bejn is-snin sebgħin u llum iċ-ċimiterju kważi rdoppja fid-daqs. Fuq nett hemm il-knisja gotika li jieħdu ħsiebha l-patrijiet kapuċċini tal-Marsa. Għandha arkitettura sabiħa. Twila 30metru u wiesgħa 22. Il-Kampnar tagħha hu għoli 37 metru. Fiha altar fin-nofs u żewġ altari fit truf tal-korsija.

Iċ-ċimiterju hu popolari mal-Maltin l-iżjed fix-xahar ta’ Novembru, ix-xahar li fih niftakru l-iżjed fil-mejtin. Nistgħu ngħidu li dan huwa wieħed mill-isbaħ ċimiterji miżgħud kif inhu b’monumenti u kappelli artistiċi.

L-akbar raġuni għall-iżvilipp ta’ Raħal Ġdid u b’mod partikolari ta’ Kordin, kienet li fl-1869 infetaħ il-Kanal tas-Swejz. Sa dak iż-żmien, il-flotta Ngliza kienet tbaħħar madwar l-Afrika biex tmur lejn l-Imperu fl-Indja u l-Awstralja. Mill-1870 ‘il hawn, Malta saret stazzjon f’nofs it-triq ewlenija ta’ l-Imperu Ngliż. Għalhekk kien jinħtieġ li f’Malta jinbnew tarznar għat-tiswija ta’ vapuri, imħażen għall-manutenzjoni tagħhom, u fortifikazzjonijiet ġodda għall-ħarsien ta’ l-istess ġżira li saret bażi u fortizza.

Fl-1871 inbena l-baċir numru 3, wara l-Isla. Bejn 1871 u 1872 inbena sur baxx u foss fond madwar Kordin kollu li b’hekk sar tal-militar. Fl-1892 infetaħ il-baċir numru 2. Bejn l-1902 u 1907, imbagħad, inbnew il-baċiri numru 4 u 5, ta’ Għajn Dwieli u nfetħet triq ġdida u mina għal ġo Bormla. Fl-istess żmien kien hawn iżjed xogħol għax inbena l-breakwater tal-Port il-Kbir. Hawn naraw għaliex l-għadd ta’ nies f’Raħal Ġdid ikkwadruplika minn 1294 fl-1891 għal 4401 fl-1911.

Minħabba li Raħal Ġdid kiber ħafna għall-aħħar tas-seklu dsatax, in-nies tiegħu li kienu jħobbu jisimgħu l-Quddiesa fil-knisja ta’ Santa Ubaldeska xtaqu li din ta’ l-aħħar titkabbar. Din il knisja kienet tal-Gvern u r-rettur tagħha kien Dun Karm Bologna. Fl-1897 għalhekk sar ftehim li l-Knisja ssir ta’ l-awtorita eklesjastika biex din titkabbar bil-ħsieb li għad issir paroċċa. Il-Gvern żamm id-dritt illi r-Rettur jibqa’ jintgħazel minnu. Ftiehmu wkoll li t-titlu tal-benefizzju jkun imdawwar fuq l-ewwel altar li jkun mibni ġo fiha. Il-kwadru tas-Sagra Familja, bl-arma tal-Gran Mastru Wignacourt ma setax jitneħħa minghajr ir-rieda tal-gvernatur. Ix-xogħol tat-tkabbir tal-knisja sar billi żiedu t-tul tal-korsija b’16-il metru tul ‘il quddiem. Il-kumitat maħtur għat-tmexxija tal-bini kien taħt il-presidenza tal-Markiż Ġorġ Crispo Barbaro. Is-Saċerdot meqjum Dun Salvu Busuttil għen ħafna fix-xogħol ukoll u ġabar il-flus ghall-kampnari. Il-bennej u l-arkitett kien Mastru Piet Dimech. Fil-korsija tqiegħdu erba’ altari ġodda, iddedikati għall-qaddesin protetturi tal-Kottonera u San Ġużepp. L-istil użat kien l-ordni korint. Fl-1900, ix-xogħol tat-tkabbir kien lest.

 

Ikompli >>

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Hosted by www.Geocities.ws

1