Raħal Ġdid fi żmien il-Franciżi (1798-1800)
Fid-9 ta’ Ġunju 1798, dehret fuq ix-xefaq il-flotta tar-repubblika
ta’ Franza, li taħt it-tmexxija tal-General Napuljun Bonaparti, kienet
fi triqitha lejn l-Eġittu. Sa
tlett ijiem wara, il-Gran Mastru ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann kien
iffirma l-Kapitulazzjoni u Malta b’hekk saret tal-Franċiżi.
F’dak iż-żmien Franza kienet l-akbar pajjiż ta’
l-Ewropa, kemm bħala qawwa u sew bħala għadd ta’ nies
(tneħħi l-Imperu Russu).
Kienet għadha kif ħarġet minn żmien ta’ taqlib
imsejjaħ ir-revolużżjoni, li seħħet ftit snin
qabel, riżultat ta’ idejat ġodda għall-Ewropa ta’ dak
Iż-żmien.
Il-Ġeneral Bonarparti u l-kmandant li hu ħalla warajh f’
Malta, il-Ġeneral Vaubois, xtaqu li Malta ssir tixbah lil Franza kemm
jista’ jkun, Għalhekk Bonaparti ħareġ ordnijiet bejn it’-13
u t-18 ta’ Gunju 1798 li bihom hu qalleb is-sistemi amministrattivi,
kostituzzjonali, leġislattivi, soċjali u oħrajn.
l-iktar taqliba
li tinteressa l-istorja ta’ Raħal Ġdid hija dik amministrattiva.
Biex il-gżejjer Maltin ikunu maħkumin aħjar, biex
jinġabru suldati malajr għal xi emerġenza, u biex it-taxxi
jitħallsu b’aktar effiċjenza, Bonaparti qasam lil Malta u
Għawdex fi 12 il-Muniċipalita. Ħawn naraw bidu tas-sistema
tad-distretti. Ħal Tarxien u Raħal Ġdid messhom ikunu
fl-għaxar muniċipalita li kienet tinkludi wkoll
iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar u Ħal Għaxaq.
Barra minn din
l-ordni, il-Franċiżi ħarġu digrieti li lil-Maltin ma
għoġbuhomx. Fil-principju, dawn
il-liġijiet huma ta’ min ifaħħarhom; iżda
fl-eżekuzzjoni tagħhom kienu diżastru. L-iktar li ntlaqtu
ħażin minn dawn il-liġijiet ġodda li amar Bonaparti
kienu n-nobbli u l-membri tal-kleru.
Il-Maltin ma damux bi kwiethom. Fit-2 ta’ Settembru 1798, meta
l-Franċiżi marru jisirqu ħwelleg prezzjużi mill-knisja
tal-Franġiskani ta’ Gieżu, ir-Rabtin, u l-Maltin, qamu kontra
l-ħakkiema tagħhom.
Il-Franċiżi
ngħalqu fl-ibliet ta’ madwar il-port u l-Maltin organizzaw
irwieħhom f’battaljuni skond ir-raħal tagħhom. Il-battaljun
ta’ Ħal Tarxien kien taħt Ġużeppi Montebello. Il-Maltin
bnew trunċieri u batteriji ta’ kanuni jħarsu lejn l-ibliet. F’Raħal Gdid kien hawn tnejn: fuq
Kordin u f’ Tal-Borg iħarsu lejn l-Isla u Bormla rispettivament. Minn dawn iż-żewġ
trunċieri, il-Maltin kienu jgħassu u jisparaw għal fuq
il-Franċiżi li jixirfu mis-swar tal-Kottonera.
It-trunċiera
ta’ Kordin kienet ta’ theddida u nkejja wisq għall-Franċiżi,
l-iżjed għax minn hemm
l-isparar tal-Maltin kien jilħaq lill-bastimenti fil-port. Il-Ġeneral Vaubois ried
ineħħIi dan l-inkomdu.
Fl-21 ta’
Novembru 1798, il-Franċiżi, l-ewwel ibbumbardjaw il-kamp
mill-Furjana u wara ħarġu sortita minn Bormla. Il-Maltin ta’
Kordin, li kienu biss 30 ruħ ħarbu lejn it-trunċiera tal-Borġ
li fetħet in-nar fuqhom, filwaqt li l-Maltin minn Ħal Luqa u
Ħal Tarxien ġew jiġġildulhom. Il-Maltin organizzaw ruħhom aħjar, u
fil-15 t’April 1799, in-nies f’Kordin żdiedu għal 230 u dawk
f’Tal-Borġ għal 180.
Sadattant,
l-għedewwa tal-Franċiżi, il-Portugiżi, u mbagħad
l-Ingliżi ħadu nteress
f’dak li kien qed jigri f’Malta u ġew jagħtu l-għajnuna
lill-Maltin. Imblukkaw il-bastimenti franċiżi fil Port
il-Kbir ukoll. B’hekk wara sentejn
ġlied, filli l-Franċiżi jibbumbardjaw it-trunċiera, u filli
l-Maltin jisparaw għal ġo
l-ibliet, il- Ġeneral Vaubois qatagħha li jċedi ‘l-Malta
lill-Ingliżi. Il-Kapitolazzjoni seħħet fl-4 ta’ Settembru
1800. Minn dak in-nhar, fil-fatt,
l-Ingilterra bdiet taħkem lil
Malta.
Ikompli >>
|