Knisja Parrokkjali Parroċċa Kristu Re

Uffiċċju Parrokkjali • Dar Parrokkjali • Triq Lampuka • Paola PLA 06

Tel: (+356) 695022 • Fax: (+356) 805955

[email protected]

 

 

 

 

 

 

 

Bidu

 

Merħba

 

Storja

 

Kleru

 

Quddies

 

Servizzi

 

Għaqdiet

 

Is-Saltna

 

Avviżi

 

Ħolqa ma' ...

 

Nisimgħu minn għandek

 

Ħajr

 

 

 

 

 

Storja tal-Parroċċa ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid

 

Il-Parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes

Il-Pawlisti tan-naħa ta’ Triq il-Belt minn żmien ilu kellhom devozzjoni qawwija lejn il-Madonna ta’ Lourdes, kif tixhed in-niċċa tagħha li hemm f’dik it triq faċċata tat-telgħa ta’ Raħal Ġdid.

Wara li fis-snin ħamsin inbnew l-appartamenti ta’ Korradino u l-poplu hemm kiber, il-Kappillan Xuereb ta’ Raħal Ġdid kellu f’moħħu li jibni knisja jew kappella, iddedikata lill-Madonna ta’ Lourdes, f’dawk l-inħawi. Meta refa‘ minn Kappillan fl-1962, beda jaħseb għaliha. L-Arċisqof Gonzi, għal dan il għan tah Lm.500.00. Fil-11 ta’ Frar 1963 sar pellegrinaġġ mill-Parroċċa ta’ Kristi Re għat-tqegħid tas-salib fuq l-art li kienet immarkata għalhekk. Fis-7 ta’ Marzu 1963, Monsinjur Xuereb xtara l-art li kienet għal Lm.1258. Huwa nkariga lill-perit Joe Xuereb, neputih, li mingħajr ħlas għamel il-pjanti. Fl-24 ta Ġunju qabbad lill-bennej Carmelo Mifsud minn Ħal Qormi u d-ditta S.C. Xuereb li lestew il-pedament fi żmien xahar u nofs. Fl-15 t’Awissu, l-Arċisqof Gonzi mexxa purċissjoni mid-dar ta’ Vincent Bianco għall- pedamenti u poġġa l-ewwel ġebla. L-għada beda l-bini ‘l fuq mill-qatran u sat-8 ta’ Ġunju 1964 tlestiet sas-saqaf. Fit-2 ta’ Novembru 1964 saret l-art tal-mużajk tal-Knisja, tas-sagristija, tal-Kor u tal-post fejn jitgħallmu d-duttrina t-tfal; tlesta l-artal ta’ l-irħam u sal-31 ta’ Diċembru setgħet tintuża. Fit-8 ta’ Frar sar it-tberik tal-knisja mill-Arċisqof.

Il-knisja hi mibnija bi stil modern. Għanda pjanta kwadrangolari bin-naħa tal-kor usa’ min-naħa ta’ wara. Il-għamla tal-knisja tgħin fil-parteċipazzjoni tal-poplu fil-quddiesa. Fil-ġenb tal-knisja hemm kampnar għoli, bi stil romaniku modern.

Wara bdiet tintuża l-knisja. Fiha kien iqaddes regolarment Monsinjur Xuereb u qassisin minn Raħal Ġdid. Ta’ l-ewwel bena wkoll żewġ flats għall-qassisin u s-sagristan (li kellu jieħu ħsiebha). Saret ukoll pittura għall-knisja mill-Kav. Emvin Cremona, li swiet Lm.1600. Fi żmien qasir bdiet tiffunzzjona regolarment, tant li b’digriet mogħti fil-11 ta’ Settembru 1974, biex ikomplu jitwettqu d-direttivi tal-Konċilju Vatikan II, l-Arċisqof Mikiel Gonżi waqqaf il-Parroċċa l-Ġdida taħt it-titlu tal-Madonna ta’ Lourdes f’Raħal Ġdid, b’seħħ mit-22 ta’ Settembru 1974.

It-territorju tal-parroċċa jinkludi n-naħa t’isfel ta’Raħal Ġdid (dik il-parti l-eqreb lejn il-Marsa) u preċiżament dawn it-toroq: partijiet minn triq l-Arkata, Triq il-Foss, Triq il-Ġdida, Triq Ninu Cremona, Triq is-Sultana, Triq Valletta kif ukoll dawn it-toroq Athlone, Britanika, Cameron, Clerence, Corradino, id-Dagħajjes, Inverness, il-Kurvetti, il-Baċir il-Ġdid, Il-Perit F. Tortell, Renfrew, Wells, Windsor, It-Telgħa ta’ Raħal Gdid, Vjal Sir Paul Boffa u parti mill-Qasam Industrijali, imsejjaħ tal-Marsa.

L-ewwel kappillan ta’ din il-parroċċa Dun Victor Zammit Mckeon, fil-waqt li t-tieni kien il-kappillan Dun Raphael Pace li ħa l-pussess fit-8 t’Ottubru 1980. Ħadmu wkoll fil-Parroċċa Dun Ġużepp Sammut, Dun Charles Cordina, Dun Manwel Bugeja, Dun Pawl Raggio, Dun Joe Abela, Dun Carmel Tanti u Dun Tancred Sultana.

Tagħrif dwar il-Kappillani suċċessivi tal-parroċċa Madonna ta’ Lourdes jista’ jinkiseb mill-parroċċa msemmija.

Il-festa tal-Madonna tkun iċċelebrata fit-tielet jew ir-raba’ Ħadd t’Awissu. Issir purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna madwar it-toroq prinċipali u l-banda G.M. de Paule iddoqq programm mużikali. Il-banda ġdida Madonna ta’ Lourdes u l-Banda S. Ġorġ ta’ Ħal Qormi jdoqqu programmi fil-vġili u anti-viġilja, fost il- konkorrenza tal-parruċċani, u mixegħla. L-istatwa hi ta’ l-injam tal-punent li kien inġieb apposta mill-Italja. Inħadmet f’Malta minn Samwel Bugeja. Kienet inġiebet fil-Parroċċa fit-18 t’Awissu 1980. Tirraffigura lill-Madonna ta’ Lourdes filwaqt li qed tibgħat lil Bernardina għand il-Kappillan ta’ Massabiele. Twila 163 ċentimetri.

Il-Knejjes ta’ Sant Antnin u tan-Nazzarenu

Kif sewwasew tixhed l-istatwa li hemm fin-niċċa ta’ Sant’ Antnin fit-Triq ta’ Bormla, in-nies ta’ Għajn Dwieli għandhom devozzjoni kbira lejn dan il-Qaddis. Għalhekk wara li I-patrijiet kapuċċini bidlu d-dar ta’ Pietru Paul Micallef f’kappella għalihom f’Għajn Dwieli, huma ddedikaw din il-kappella tagħhom, li tbierket fit-23 t’Awissu 1953 mill-provinċjal tal-kapuċċini Patri Pietru mill-Floriana, lil Sant’ Antnin u mhux lil San Pietru u San Pawl kif xtaq il-benefattur tagħhom. Fl-1957-58, il-patrijiet bnew kappella żgħira, 18-il metru twila u 7 metri wiesgħa, fuq pjanta ta’ Ġuże D’Amato u tbierket mill-Provinċjal Patri Timotju mill-Belt fis-6 t’ April 1958. Wara li bnew il-knisja l-ġdida tagħhom din il-kappella giet profanata u llum isservi ta’ “showroom” tal-karozzi.

Minħabba li l-poplu ta’ dawk l-inħawi beda jikber, il-patrijiet kapuċċini ħasew il-ħtieġa ta’ post akbar . Għalhekk il-patrijiet fl-1963 krew biċċa art li tmiss ma’ l-iskola Sekondarja Teknika ta’ Kordin mingħand il-Gvern, b’lira fis-sena. Hemmhekk, l-ewwel bnew kunvent u wara li l-Perit E. Caruana Montalto ħażżeż il-pjanti, fil-5 t’April 1964 l-Arċisqof Gonzi bierek l-ewwel ġebla. Ix-xogħol tmexxa mill-perit Godfrey Azzopardi u tbierket fl-10 ta’ Lulju 1965 minn Patri Fortunato, Provinċjal tal-Kapuċċini. Hija mibnija fuq stil romanesk. Hija twila 40 metru u wiesgħa 19-il metru. Hi l-ikbar knisja ddedikata lil Sant’ Antnin f’Malta. Fiha tliet altari.

Il-festa tiġi ċċelebrata fit-13 ta’ Ġunju, jum it-titular tagħha. Issir purċissjoni bil-vara fuq iz-zuntier u xi toroq ta’ madwar. Iz-zuntier ikun mixgħul u mżejjen għall-okkażjoni. Nies minn Għajn Dwieli, kif ukoll minn xi wħud mill-flats ta’ Korradino, mill-Fgura u minn kull naħa ta’ Malta huma devoti kbar ta’ din il-knisja.

Il-Knisja tan-Nazzarenu

Din il-Knisja hi fi triq Ħal Luqa. Inbniet minn Anġlu Psaila. Hu ħa l-art b’cens fl-1897 u bnieha fl-1899. Tbierket minn Mons. Salv Ġrech, il-Vigarju Ġenerali. Psaila żamm ġuspadronat fuqha u sew hu kif ukoll martu ndifnu hemm meta mietu.

 

Tmiem

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Escati Free Counter
You are Visitor No:

View Counter Stats
Hosted by www.Geocities.ws

1