PARROĊĊA SAN ĠORĠ MARTRI

 

ST. GEORGE'S PARISH CHURCH

 

QORMI - MALTA

BEJNIETNA 158 - Marzu 2009

Il-Kelma tal-Arċipriet

Xogħol li qed isir.

 

Dan l-aħħar saru diversi xogħolijiet żgħar kemm fil-Knisja Parrokkjali kif ukoll fil-Kappella tas-Sagra Familja. Naħseb li dawn kienu xogħolijiet importanti u bżonnjużi.

Knisja Parrokkjali: Kif forsi indunajtu id-dawl fil-Knisja żdied. Is-sena li għaddiet biddilna l-floodlights li jagħtu fuq l-artal u ffrankajna mill-ammont ta’ elettriku li jinħela filwaqt li l-ammont ta’ dawl kiber. Issa kien imiss li jinbidlu l-bozoz kollha li jintużaw fil-Knisja, kemm tal-brazzi kif ukoll tas-sagristija. Ġietna spiża biex xtrajna l-bozoz ‘energy-saving’ imma issa qed naħlu inqas elettriku filwaqt li jkollna aktar dawl. Dan huwa utli għalina. Il-kont tad-dawl tal-Knisja Parrokkjali weħidha kien qed jiġi madwar €650 fix-xahar. Nittama li issa jonqos u l-flus li niffrankaw inkunu nistgħu inpoġġuhom xi mkien ieħor. Per eżempju nittama li ma ndumux ma nibdew niżbgħu u nirranġaw is-sagristija kif ukoll il-‘cushions’ li noqgħodu għarkubbtejna fuqhom fil-bankijiet tal-knisja.

Sagra Familja: Hawnhekk sar daqsxejn taqlib mhux ħażin. Is-sena li għaddiet bdejna biex waħħalna l-air-conditions u jidher li ntlaqgħu tajjeb għas-sajf. Jidher li solvejna wkoll il-problema li kull darba li tagħmel ix-xita, il-kappella tibda tgħum bl-ilma li jidħol. Issa xtrajna għamara ġdida għas-sagristija minħabba li dik li kien hemm qabel kienet kollha mmermra bl-ilma tax-xita. Żbajna wkoll il-ħajt ta’ wara l-artal biex ikun jista’ joħroġ iktar il-kuntrast mat-tabernaklu u l-kurċifiss. Bdilna l-microphones biex jonqos l-irbunbjar fil-kappella. Issa għandna żewġ proġetti oħra.

L-ewwel proġett huwa li jinbidel id-dawl li jagħti għal fuq l-artal, is-sedja u l-ambone. Irid isir wkoll ‘energy-saving’ filwaqt li jdawwal aktar.

Il-proġett l-ieħor huwa l-Via Sagra. Permezz ta’ dan il-proġett nixtiequ li noqtlu żewġ agħsafar b’ġebla waħda. L-ewwelnett il-Via Sagra fiha nnifisha, għaliex għad m’hemmx Via Sagra fil-kappella. It-tieninett li minħabba li l-istruttura tal-Kappella hija bħal garaxx u l-ħitan huma dritti ikun hemm ħafna irbumbjar. Allura qed naħsbu li l-Via Sagra tkun impittra fuq panewwijiet tal-injam imwaħħlin ma’ drapp mis-saqaf sa isfel sabiex iservu bħala purtieri u l-akustika tal-kappella titjieb sostanzjalment.

Nittama li tifhmu li dawn iridu żmien u spejjeż. Imma żgur li jservu sabiex l-ambjenti li niltaqgħu fihom ikunu isbaħ, kemm għall-glorja t’Alla u anke biex nieħdu ħsieb il-patrimonju li ħallewlna missirijietna.

 

 

MILL-ĦAJJA TAL-KOMUNITA TAGĦNA - AVVIŻI

Il-Ħadd 1:            I-1 Ħadd tar-Randan tas-Sena B. Messalin B Paġna 143.

It-Tnejn 2:           Laqgħa għall-persuni b’diżabilita’ fiċ-Ċentru fil-5.00 pm.

Il-Ħamis 5:          Fid-9.30 am ikun hemm il-laqgħa tal-Mother and Baby Club fiċ-Ċentru.

Il-Ġimgħa 6:        L-ewwel Ġimgħa tax-Xahar. Wara l-quddiesa tal-4.30 pm isir ftit ħin ta’ adorazzjoni u tingħata l-Barka Sagramentali.

Il-Ħadd 8:           It-2 Ħadd tar-Randan Sena B. Messalin B Paġna 148.

                           Illum issir il-quddiesa tal-11.30 am li fiha jingħata s-Sagrament tal-Magħmudija.

Il-Ħamis 12:        Wara l-quddiesa tal-4.30 pm tingħata l-Barka Sagramentali.

                          Coffee-morning b’riżq il-Knisja mill-Grupp tal-Fund-Raising.

Il-Ħadd 15:        It-3 Ħadd tar-Randan tas-Sena B. Messalin B Paġna 154.

                          Fl-4.30 pm quddiesa fil-Kappella tal-Ħlas bil-preżentazzjoni tat-trabi.

L-Erbgħa 18:      Fid-9.30 am żjara lil ħutna anzjani f’San Vinċenż.

                          Fid-9.30 am Irtir għan-nisa u xebbiet għand is-sorijiet Franġiskani.

Il-Ħamis 19:       Solennita’ ta’ San Ġużepp, l-għarus tal-Verġni Marija. Messalin B Paġna 535.

                          Peress li llum hija Festa Pubblika, issir quddiesa extra fid-9.00 am.

                          Fid-9.30 am ikun hemm il-laqgħa tal-Mother and Baby Club fiċ-Ċentru.

                          Wara l-quddiesa tal-4.30 pm tingħata l-Barka Sagramentali.

                          2.00 pm tombla fl-Oratorju.

Il- Ġimgħa 20:    Pellegrinaġġ Penitezjali bejn iż-żewġ Parroċċi.

Il-Ħadd 22:        Ir-4 Ħadd tar-Randan tas-sena B. Messalin B Paġna 160.

L-Erbgħa 25:      Solennita’ tat-Tħabbira tal-Mulej. Illum, disa’ xhur qabel il-Milied, infakkru l-ġrajja meta l-Anġlu Gabriel ħabbar lil Marija u nisslet fiha lil Ġesu’.

Il-Ħamis 26:       Wara l-quddiesa tal-4.30 pm tingħata l-Barka Sagramentali.

Il-Ħadd 29:        Il-5 Ħadd tar-Randan tas-Sena B. Messalin B Paġna 166.

                          Irtit għall Fratelli kollha fis-Santwarju tal-Madonna tal-Ħlas.

                          Fil-għaxija: Translazzjoni bir-Relikwa ta’ San Pawl Appostlu tal-Ġnus, f’okkazzjoni tas-Sena Ċentinarja Pawlina.

 

Inħeġġiġkom biex matul dan ix-xahar nisimgħu il-Kelma t’Alla billi nattendu għal xi kors ta’ eżerċizzi li qed ikunu organizzati kemm fil-parroċċa tagħna kif ukoll f’parroċċi oħra. Tajjeb ukoll li nippruvaw li matul dan ir-Randan insibu ħin u nqerru u nersqu aktar lejn it-tqarbin kemm fost il-ġimgħa kif ukoll fil-Ħdud.

 

Imwiet matul ix-xahar ta’ Jannar 2009: - Agħtihom O Mulej il-Mistrieħ ta' Dejjem . . .

Paul Pirotta (66 sena)

John Saliba (79 sena)

George Bonnici (63 sena)

Maria Assunta Borg (80 sena)

Claire Camilleri (32 sena)

 

 Magħmudijiet matul ix-xahar ta’ Jannar 2009: Merħba fid-Dar fejn jgħammar il-Mulej, Sid il-Ħolqien kollu.

Lynn Galea

 

Anderson Azzopardi

 

Żwiġijiet matul ix-xahar ta’ Jannar 2009: Kunu intom ix-xandara tal-Aħbar it-Tajba.

xejn

·          Lura għal Paġna Prinċipali

05-03-2009

aboutmalta.com

 

Hosted by www.Geocities.ws

1