|
Lejn l-aħħar tas-sena 2003 ġew ippublikati
d-Dokumenti tas-Sinodu Djoċesan, ġabra ta' dak li nħaseb,
ġie magħrbel, diskuss u miktub tul medda ta' żmien u
b'parteċipazzjoni daqshekk kbira.
Il-Knisja f'Malta u kull min ħadem biex is-Sinodu jasal
għal dokumenti li jagħtu direzzjoni pastorali lill-ħidma
tal-Knisja f'Malta jittamaw li dak li hemm miktub fihom issa jitwettaq.
Fost il-proposti li diġa twettqu nsibu dan li ġej:
IT-TWAQQIF TAL-KUMMISSJONI
ĠUSTIZZJA U PAĊI (ara
Dok. Djakonija u Ġustizzja nr. 37) bl-iskop li tkabbar l-għarfien
tat-tagħlim soċjali tal-Knisja u li tagħti kontribut
ħaj fid-dawl ta' l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u
legislattivi tal-pajjiż;
IT-TWAQQIF TAL-KUMMISSJONI
DJOĊESANA FAMILJA (ara Dok.
Żwieġ u Familja nr. 45) b'membri ġodda li jirriflettu oqsma
differenti tal-ħajja fil-familja;
IT-TWAQQIF TAL-KUMMISSJONI AMBJENT (ara Dok. Kultura-Soċjetà-Knisja nr. 53)
biex fost oħrajn tkattar l-għarfien, is-sensibbilità u
l-edukazzjoni dwar l-ambjent, speċjalment fid-dawl tal-Kelma t'Alla u
tat-tagħlim soċjali tal-Knisja.
Barra dan trid tfassal policy gwida dwar l-ambjent, kemm għal
min għandu responsabilità fl-istituzzjonijiet kollha tal-Knisja kif
ukoll għal kull nisrani;
IT-TWAQQIF TAL-KUMMISSJONI
IMPLEMENTAZZJONI TAS-SINODU (ara
Dok. Viżjoni ta' Knisja Komunjoni nr. 54) għall-implementazzjoni
tad-deċiżjonijiet pastorali tas-Sinodu;
TWAQQIF TAL-GRUPPI FL-OQSMA
DIFFERENTI TAL-KNISJA F'MALTA
bħall-parroċċi, il-kongregazzjonijiet ta' ħajja
konsagrata, l-għaqdiet u l-movimenti u l-iskejjel li wasslu biex kull
parroċċa f'Malta fasslet pjan pastorali għal sena;
TWAQQIF TA' STRUTTURI TA' UNITAJIET
PASTORALI U DISTRETTI (ara Dok.
Vizjoni ta' Knisja Komunjoni nr. 19) biex jittieħdu diversi
inizzjattivi mill-parroċċi biex jaħdmu aktar flimkien;
DEĊIŻJONI LI TOGĦLA
L-ETÀ TAL-GRIŻMA (ARA Dok.
Liturġija u Sagramenti nr. 30 u Dok. Xandir tal-Kelma nr. 15),
deċiżjoni mħabbra ftit ta' żmien ilu.
Dawn huma xi ftit eżempji li juru kif is-Sinodu qed
jitwettaq. Id-Dokumenti tas-Sinodu
jagħtu wkoll valuri mportanti ta' ispirazzjoni għall-ħajja
nisranija li wieħed għandu jgħix u li kultant jitolbu
"bidla fil-qalb". Huwa
diffiċli li wieħed ikejjel it-twettiq imma bl-attitudni
sinċiera ta' kull wieħed u waħda minna, żgur li naslu
biex iseħħ dak li ġie propost wara tant studju u diskussjoni
li finalment ġie approvat mill-Arċisqof.
Tajjeb li wieħed jara l-attitudnijiet li jistgħu
jgħinu jew ifixklu t-twettiq tad-Dokumenti tas-Sinodu:
Dak li jgħin:
Kollaborazzjoni: "jien lest li naħdem ma'
ħaddieħor";
Inkoraġġiment għat-tajjeb: "fejn saret jew
issir xi ħaġa tajba, jien lest li ninkoraġġiha
bil-fatti";
Konverżjoni tal-qalb: "fejn hi meħtieġa bidla
għall-aħjar, ukoll jekk tfisser sagrifiċċju, jien
nidħol għaliha";
Impenn: "jien lest li nagħti s-sehem tiegħi b'mod
sħiħ u ma nfarfarx fuq ħaddieħor";
Ħeġġa: "nitħeġġeġ jien biex
nimla lil ħaddieħor b'entużjażmu ġdid".
Dak li jfixkel:
Sfiduċja: " u iva, ħafna paroli u ma jinbidel
xejn";
Qtigħ ta' Qalb: "dan kollu sforz kbir li m'hu se jiswa
xejn";
Status Quo: "dejjem hekk għamilna - mhux aħjar
nibqgħu kif aħna!";
Indifferenza: "jagħmlu huma!";
Individwaliżmu:
"jien nimxi għal rasi, għax hekk l-aħjar".
Naturalment
l-attitudnijiet ħadd ma jista jinfurzahom. Joħorġu mill-qalb tal-bniedem,
minn fejn joħroġ ħafna tajjeb u jista' joħroġ
ukoll ħafna ħażin.
L-isfida f'dan iż-żmien ta' tiġdid għall-Knisja
f'Malta, hi li kull nisrani ma jintrikibx minn attitudnijiet li jfixklu,
imma li jiġġedded fl-ispirtu ta' mħabba u solidarjetà biex
ikun jista' permezz ta' djalogu sinċier jagħti s-seħem
tiegħu biex jitwettaq fil-prattika dak kollu li hemm propost
fid-Dokumenti tas-Sinodu.
|