|
Din hi l-ewwel okkażjoni tiegħi li ġejt mitlub
nikteb dwar il-festa ta' Kristu Re li saret f'Raħal Ġdid nhar
il-Ħadd 25 ta' Lulju 2004.
L-ewwel nett nixtieq li nintroduċi ruħi. Ġejt stazzjonat f'dan id-Distrett
f'Novembru 2003 u din kienet l-ewwel darba f'40 sena servizz fil-Korp
tal-Pulizija li kelli nieħu sehem dirett fl-organizzazjoni ta' din
il-festa. Xi żmien wara li
bdejt il-ħidma tiegħi fostkom kont ġejt avviċinat
mill-Kappillan tal-Parroċċa, Dun Noel Vassallo, biex norganizzaw
laqgħat mal-partijiet kollha nteressati fl-organizzazjoni
tal-festa. Iltqajna mal-Kumitat
tal-Festa u mal-Kumitati taż-żewġ Każini tal-Banda biex
nirranġaw xi differenzi li seta' kien hemm bejn il-partijiet
konċernati.
Wara diversi laqgħat li saru f'atmosfera kordjali ntlaħaq
ftehim bejn il-partijiet kollha bl-iskop uniku li l-festa tkun qima
għal Kristu Re u mhux okkażjoni ta' xi xorta ta' pika bejn
naħa jew oħra.
Ir-riżultat kien
is-suċċess li ntlaħaq matul iċ-ċelebrazzjonijiet
tal-festa speċjalment waqt it-tlugħ fuq il-kolonna ta' l-istatwa
ta' Kristu Re il-Ġimgħa filgħaxija. Fil-bidu nħasset xi ftit ta' tenzjoni,
iżda fl-aħħar il-partijiet kollha spiċċaw ikantaw
flimkien 'Viva Kristu Re' u 'Viva l-Pawlisti'. Hekk għandu jkun l-ispirtu
tal-Festa Titulari - ċelebrazzjoni f'għaqda waħda fejn
il-Pawlisti jfaħħru lil Kristu Re patrun tal-Parroċċa u
ta' Raħal Ġdid.
Nisperaw li fil-futur dak li għamilna din is-sena jkompli
jitkattar biex ikollna festa denja ta' din il-Belt li sservi ta'
eżempju ta' għaqda kollettiva għal bliet u rħula
oħra madwar Malta u Għawdex.
Qabel nagħlaq dan il-kumment nixtieq nirringrazzja lil kull
min b'xi mod kellu sehem fl-organizzazjoni tal-festa ta' din is-sena. Fost dawn hemm il-Kappillan
tal-Parroċċa u l-Kumitat tal-Festa; Is-Sindku u l-Kunsilliera
tal-Kunsill Lokali Paola; Il-Presidenti u l-Kumitati tas-Soċjetą
Filarmonika G.M. Fra Antoine de Paule u ta' l-Għaqda Soċjali
Mużikali Kristu Sultan; il-Każini Politiċi tal-Partit
Nazzjonalista u dak tal-Malta Labour Party; il-Kumitat tal-Hibernians F.C.
u lista kbira ta' nies oħra li għalkemm ma humiex parti minn xi
Għaqda jew Każin għamlu l-parti tagħhom flimkien
mar-residenti kollha tal-lokal biex intlaħaq dan is-suċċess. Nispera li ma nsejt lil ħadd f'din
il-lista ta' nies li kollettivament ħdimna flimkien biex nilħqu
l-għan ewlieni tagħna.
Nagħlaq billi nirringrazzja wkoll lill-Uffiċjali u
l-Membri kollha tal-Korp tal-Pulizija stazzjonati fl-Għassa ta'
Raħal Ġdid għall-ħidma tagħhom waqt il-festa ta'
Kristu Re.
|