|
Naħseb li kulħadd jaqbel miegħi li din is-sena
kienet waħda vera mpenjattiva, mhux biss għax kien hemm
l-elezzjonijiet tal-Kunsill, imma wkoll f'dak fejn tidħol il-festa
titulari ta' Kristu Re.
L-iskop prinċipali tagħna kien li, bil-kollaborazzjoni
ta' kulħadd, permezz ta' komunikazzjoni diretta, nżidu
l-parteċipazzjoni ta' kull għaqda u ta' kull ċittadin li
verament għandhu l-interess tal-lokal u l-festa, mingħajr ma
nidħlu f'piki esaġerati.
Il-festa qed tieħu xejra differenti mis-snin ta' qabel. Dan minħabba l-fatt li matul
l-aħħar snin, il-parroċċa għandha l-vara
tat-Titular, u għalhekk il-festa kull ma tmur qegħda tinbidel.
Qegħdin nitgħallmu mill-iżbalji ta' snin
preċedenti u, bil-koperazzjoni ta' kulħadd, qegħdin
nirbħuhom. Il-laqgħat li
saru matul is-sena ma' l-għaqdiet konċernati ħallew il-frott
mixtieq. Għad hemm ħafna
xi jsir u rridu nkomplu nitkellmu ħalli, bi pjan serju, naslu biex
ikollna waħda mill-isbaħ festi ġewwa pajjiżna.
Innutajt li din is-sena kien hemm aktar parteċipazzjoni
mir-residenti f'dawk li huma funzjonijiet liturġiċi. Dan juri kemm għandhom għal
qalbhom il-festa l-Pawlisti u li jawgura lil min jorganiżża aktar
ħidma għall-gejjieni.
Naħseb li kien hemm ħafna affarijiet li marru tajjeb,
però jien dejjem emmint li kulħadd għandu dritt
għall-partiċipazzjoni f'kull attività tal-festa. Fis-snin li
ġejjin, għandna naħdmu bis-sħiħ biex
inneħħu dawk il-ftit differenzi li għad hemm u naħdmu
biss biex il-festa tkompli tikber u ssaħħaħ l-għaqda
fostna.
Tieħu gost tara ħafna żgħażagħ
jipparteċipaw fl-armar u f'diversi attivitajiet oħra. Dawn iż-żgħażagħ
ħaqqhom veru prosit għax-xogħol li jagħmlu matul
is-sena kollha. Veru
jistħoqqilhom l-apprezzament tal-lokal kollu.
Jien dejjem ħassejt li min għandu ċerta età
għandu l-obbligu li jara li dak li jeżisti llum, irrid itejbu
għal ta' warajh. Għalhekk
ħafna minna għandna nkomplu nibnu fuq dak li hemm ħalli
ż-żgħażagħ tagħna jkollhom il-festa
garantita, kemm għalihom, kif ukoll għal uliedhom.
Naħseb li ma tkunx ħaġa sewwa li nagħlaq u ma
nsellimx lil dawk kollha li jaħdmu wara l-kwinti biex l-festa
tagħna tkompli tisbieħ, speċjalment lill-Kumitat tal-Festa u
l-Korp tal-Pulizija. Dawn ta'
l-aħħar kienu strumentali fit-tmexxija tal-bon ordni u
t-traffiku.
Insellmilkom.
|