|
Is-sena li għaddiet
ħabat l-erbgħin anniversarju mill-mewt ta' Ġużè Damato
(13.12.1886-26.05.1963), il-perit li
fil-bidu ta' l-għoxrinijiet tas-seklu li għadda biddel il-fehma
tal-kappillan Dun Nerik Bonnici J.C.B., D.D. (1917-1921) sabiex il-knisja
parrokkjali l-ġdida tinbena fil-misraħ ewlieni ta' Raħal Ġdid
u mhux flok dik qadima ta' Santa Ubaldeska.
Sena wara
mewtu, it-Tlieta, 26 ta' Mejju 1964, fis-sagristija l-ġdida (li nbniet
fl-1959) tat-tempju majestuż iddedikat lil Kristu Sultan u li tiegħu
hu stess fassal il-pjanti, nkixef kwadru ta' dan il-benefattur tant kbir f'ċerimonja
ħelwa li għaliha attendew l-aħħar tlett kappillani li
Damato kien ħadem magħhom fit-twettiq ta' dan il-proġett. Proġett li għal dak
iż-żmien, f'għajnejn bosta, deher impossibli li jsir
rejaltà.
Il-pittura
fil-kwadru hi xogħol l-artist magħruf Malti Aldo Micallef-Grimaud
(23.04.1925 - ) li tul dawn l-aħħar 60 sena ħarġu minn
idejh bosta xogħolijiet artistiċi, fosthom uħud li
jżejnu knejjes lokali u li l'hinn minn xtutna. F'dan il-kwadru, kkummissjonat fl-1959,
Damato jidher bilqiegħda fuq pultruna bid-dekorazzjonijiet li ngħatawlu,
fosthom il-Pro Ecclesia et Pontefice, fuq il-pavru tal-lemin. Kixifha iben il-perit stess,
il-Professur Francis J. Damato F.R.C.S.,M.D.,D.O.M.S. fil-preżenza
tal-kappillani Dun Manwel Vella J.C.B., Ph.D., D.D., (1928-1936), Monsinjur
Franġisku Xuereb P.E.P. (1937-1962) u l-Kappillan ta' dak
iż-żmien Monsinjur Adolf Agius (1962—1982). Għalkemm ma saru ebda diskorsi għall-okkażjoni,
kienet saret Quddiesa
fil-knisja b'suffraġju ta'
l-arkitett imwieled fi Sfax ġewwa t-Tuneżija.
Forsi kienet
grazzja minn Alla li t-tielet kappillan tal-parroċċa żagħżugħa
ta' Casal Paula, Dun Nerik, ġie joqgħod ħdejn id-dar kbira
li s-Sur Ġużè kien jgħix fiha. Meta telaq mit-Tuneżija, Damato ġie
jgħix Raħal Ġdid fejn kienu jabitaw xi membri tal-familja
tiegħu. Ommu u missieru kienu
emigraw lejn it-Tuneżija fejn kien hemm tgħix komunità
Maltija. Wara li żżewweġ
lil Josephine Farrugia fl-1911, intefa' fin-negozju tal-familja ta' martu
billi jimporta ċ-ċeramika minn Franza. Iżda fil-laqgħat li kien
ikollu mar-ragħaj spiritwali tal-Pawlisti, Damato ġietu x-xoqqa
f'moxtha li jqiegħed fil-prattika l-esperjenza li kiseb f'art
twelidu. Fit-Tuneżija, li fi
żmienu kienet protettorat ta' Franza, il-familja tiegħu, minbarra
x-xogħol fil-qasam tal-bini u t-tiswijiet ta' vapuretti li minnhom
kien isir it-tiftix għall-isponoż, kienet involuta wkoll
fl-industrija tal-kostruzzjoni. U għaldaqstant
fl-ewwel biċċa xogħol kbira li ndaħal għaliha
f'Malta, propju l-bini tal-knisja l-ġdida f'Raħal Ġdid,
seta' juża t-teknika ġdida tal-ferro-konkrit li min jaf kemm
il-darba ra tintuża mill-inġiniera Franċiżi
fit-Tuneżija.
Fl-1910, meta
ż-żagħżugħ Damato ġie jgħix fostna, l-popolazzjoni
ta' Raħal Ġdid kienet ta' ftit aktar minn erbat elef. Iżda meta l-kappillan Bonnici
twebbel li jibni knisja oħra akbar flok dik ta' Sant'Ubaldeska, din
kienet telgħet g]al 5475 peress li n-nies mill-ibliet tal-Kottonera bdew
ġejjin jgħixu fostna
minħabba livell aħjar ta' abitazzjoni f'dawn l-inħawi. B'hekk ħafna mill-parruċċani
li kienu jisimgħu l-quddies fil-knisja mibnija fl-1630 fi żmien
il-Gran Mastru Antoine de Paule kien qed ikollhom jibqgħu barra peress
li din ma kinetx tesagħhom.
Tul in-nofs
seklu li Damato għex f'Raħal Ġdid ħejja bosta pjanti
ta' knejjes oħra, fosthom dik tan-Nazzarenu f'tas-Sliema, Tal-Karmnu
fil-belt Valletta, ta' Sant'Antnin f'Għajn Dwieli u r-Rotunda
tax-Xewkija f'Għawdex. Għax
wara li ntegħlbu l-għidut li knisja hekk kbira ma setgħetx
iżżomm fuq dawk il-pilastri, sitwazzjoni li wasslet biex saħansitra
jieqaf ix-xogħol għal xi snin sa ma ntweriet mill-ġdid
il-fiduċja fil-perit Damato, bosta kienu dawk il-kappillani li talbu
l-għajnuna ta' dan il-perit fit-tkabbir jew bini mill-ġdid
tal-knejjes tagħhom. Il-lista
ta' pjanti tinkludi bosta knejjes oħra, djar tad-duttrina, sptar,
swali, kunventi u djar parrokkjali.
Interessanti wkoll il-fatt li meta kien jgħix fostna ttanta
wkoll xortih fil-qasam politiku.
L-okkażjoni
tal-kxif tal-pittura ta' l-arkitett Ġużè Damato li saret
fis-sagristija erbgħin sena ilu hija turija ta' l-apprezzament
tal-kleru u l-poplu ta' Raħal Ġdid ta' dakinhar, għad-dedikazzjoni
u l-enerġija mingħajr limitu li dan il-benefattur kbir ta
b'riżq il-bini tat-tempju majestuż ta' Kristu Re. Il-ġenerazzjoni tal-llum wkoll
trodd ħajr lill-ħidmiet dan l-arkitett li ħażżeż
il-pjanti ta' din l-ikbar knisja f'Malta.
Għalhekk xieraq tassew li l-kwadru tiegħu, mpitter
mill-artist Micallef-Grimaud għadu jżejjen is-sagristija
tal-knisja li għaliha ddedika parti kbira minn ħajtu.
|