Knisja Parrokkjali Parroċċa Kristu Re

 

 

 

 

 

 

 

Bidu

 

Merħba

 

Storja

 

Kleru

 

Quddies

 

Servizzi

 

Għaqdiet

 

Is-Saltna

 

Avviżi

 

Ħolqa ma' ...

 

Nisimgħu mingħandek

 

Ħajr

 

 

 

 

Intervista  ma'  Paul Camilleri

Uffiċċju Parrokkjali

 

F'Raħal Ġdid hawn bosta nies li matul il-ħajja tagħhom għaddew minn avventuri uniċi,  storiċi, patrijottiċi u li dwar l-atti ta' eroj li wettqu ftit li xejn nafu.  Dan l-aħħar kellna x-xorti li  niltaqgħu ma' Paul Camilleri ta' 83 sena, li b'entużjażmu kbir irrakontalna minn xhiex għadda matul it-Tieni Gwerra Dinjija meta kien iservi fin-Navy Ingliża u dik Pollakka.

 

Paul Camilleri ilu joqgħod f'Raħal Ġdid mill-1964.  Twieled ir-Rabat fil-5 ta' Frar 1921, iben Eugenio u Katarina Bonello fost sitt ulied li ħamsa minnhom għadhom mimlijin bil-għomor.  Hu żżewweġ fl-1946 lil Tilda Busuttil u kellhom tifel u 3 bniet, kollha miżżewwġin.   Paul, ilu armel għal dawn l-aħħar 14 il-sena. Hu nannu ta' ħdax.  Fi tfulitu attenda l-iskola primarja tal-Gvern u fl-1939, wara  żmien jaħdem f'lukanda f'Għajn Tuffieħa, daħal fin-Navy Ngliża bħala Assistant Steward.

 

Paul ġej minn familja li kellhom rabta sew man-Navy Ngliża u kienu ż-żijiet li ħajruh jagħmel l-għażla tiegħu li kif qalilna  qatt  ma  ddispjaċih  li  għamilha  minkejja  l-perikli  kbar li għadda minnhom.   Wara kors qasir f'HMS St Angelo sab ruħu fuq id-destroyer HMS Cossack flimkien ma' sitt Maltin oħra.   Fl-ewwel vjaġġ, waqt li kienu f'Alexandria, faqqgħet il-Gwerra u ntbagħtu jeskortaw convoy lejn Malta.  Wara sagħtejn leave fuq l-art f'Malta, sbarkaw għall-Ingilterra.    Wara re-fit fid-dock ta' Portland ġew  assenjati  xogħol  ta'  pattroljar  fin-North Sea u  l-ewwel lejl ħabtu ma' vapur merkantili.  L-HMS Cossack ġarrbet ħsarat kbar fejn mietu ħamsa mill-ekwipaġġ.   Wara t-tiswijiet meħtieġa fl-Iskozja, l-HMS Cossack kompliet bil-patrolling fin-North Sea  u teskorta l-convoys lejn in-Norveġja u lejn ir-Russja.

 

Matul is-sentejn fuq l-HMS Cossack, Paul għadda minn ħafna esperjenzi  koroh  bħal maltempati  kbar  u  battalji  feroċi fuq il-baħar u mill-ajru.  Jiftakar il-famuż attakk fuq l-armed auxillary ship Ġermaniż l-Altmark, fejn  il-Cossack,  fi Frar  1940,  salvat   għadd  ta' priġunieri Ingliżi mill-ilmijiet inġazzati tal-Josing Fjord fin-Norveġja.  Li kieku ma kienx l-intervent tal-Cossack, l-Altmark kienet tispiċċa f'qiegħ il-baħar bin-nies kollha ta' fuqha, fosthom wieħed Malti.

 

Paul iddiskrivilna kif il-Cossack kellha sehem kbir fl-għarqa ta' disa' destroyers Ġermaniżi fil-battalja ta' Narvik u dik tal-famuża battleship Ġermaniża Bismarck, bastiment  attrezzat bl-aħħar teknologija u li kien deskritt bħala “the unsinkable”.  Tifkiriet li żgur  Paul qatt ma jista' jinsa'!!

 

Paul jirrakonta wkoll kif f'Lulju 1941 waqt skorta ma' convoy lejn Malta kienu attakkati bl-aktar mod feroċi mill-ajru.   Damu ħamest ijiem sħaħ, lejl u nhar, action stations u ma jiklux ħlief galletti u “bully beef”. Dan kien l-istess convoy li l-qawwiet Taljani aktar tard ippruvaw jeqirdu bl-attakk ta' l-E-Boats li sar fuq il-Port il-Kbir.   Wara waqfa ta' sagħtejn f'Malta, il-Cossack salpat lejn l-Ingilterra fejn xahar wara ġiet mgħarrqa mill-għadu.   Fortunatament Paul u sħabu l-Maltin kienu baqgħu Malta bil-leave.   Fuq il-Cossack Paul iddistingwa ruħu fil-ħidma u x-xogħol li wettaq u ta' dan kien, kif jgħidu l-Ingliżi, mentioned in dispatches.

 

Meta spiċċa mill-leave ġie trasferit għall-bażi tas-submarines HMS Talbot f'Lazzarett bħala steward mal-fizzjali Polakki fejn dam matul il-blitz kollu ta' l-1941-42.  It-tifrik u l-ġarr tal-feruti u l-mejtin ma kienu xejn għal qalbu u voluntarjament issieħeb mal-crew tas-sottomarin Pollakk Sokol li kellu xi ħsarat. Peress li minħabba l-attakki mill-ajru ma setax jissewwa f'Malta, ħarbu baxx baxx fuq magna waħda biex jissewwa f'Ġibiltà, jivvjaġġaw il-ħin kollu f'qiegħ il-baħar ħlief għal xi ftit ħin bil-lejl.  L-esperjenza tal-gwerra fuq is-Sokol kienet ferm aktar iebsa u movimentata minn dik ta' fuq il-Cossack. Kellhom jissorveljaw il-Baħar Artiku partikularment għall-battleship Ġermaniż Tirpitz  li  kien  qed  jistaħba  fil-fjordi tan-Norveġja fejn baqa' għax beża' joħoroġ fl-apert. Mis-Sokol attakkaw bit-torpedoes diversi sottomarini u bċejjeċ tal-qawwiet navali Ġermaniżi li ma naqsux milli jirrejaġixxu kontrihom ukoll. Kellhom iħabbtu wiċċhom ma' maltempati   kbar   u   attakki   mill-ajru.   Riedu jgħaddu ħafna ħin fid-dlam, bla ebda ħoss f'qiegħ il-baħar fost il-mines u d-depth charges.  Imma l-batteriji riedu jiġu ċċarġjati u tabilfors kienu jridu jitilgħu għal xi ħin fil-wiċċ, ġeneralment matul il-lejl.  B'hekk il-ħajja ta' dawk li jgħixu fi spazju mill-aktar limitat tinbidel totalment għax matul il-lejl irid isir ħafna xogħol li normalment isir matul il-ġurnata.   Għal Paul u sħabu, dejjem  on the alert jistennew il-mewt, il-ħajja fis-sottomarin ma kinietx faċli.

 

Wara żmien diffiċli fin-North Sea is-Sokol intbagħat fil-Mediterran u għal darb'oħra kien stazzjonat f'Malta minn fejn kienu jagħmlu xi patrols fil-kanal ta' bejn Malta u l-Italja.   F'waħda minn dawn l-operazzjonijiet attakkaw u għarrqu żewġ bastimenti merkantili u għamlu ħsarat estensivi  f'ieħor waqt  li   kien ħiereġ minn port taljan.  Finalment intbagħtu fil-Lvant Nofsani fejn ġew stazzjonati f'Beirut.   Fl-attakki li għamlu kienu għarrqu 15-il bastiment  ta'  l-għadu   fosthom wieħed  anti-submarine u ieħor E-boat.  Meta rritornaw lura f'Malta, fi Frar 1944, Paul kontra qalbu ġie attaċċjat fil-bażi tas-sottomarin Medway.

 

Fis-sentejn  li  dam  fuq  is-Sokol, Paul mhux talli sar ħabib kbir tal-Polakki, imma anki tgħallem sew il-lingwa tagħhom.   Hu kien l-uniku Malti fi crew ta' 32.   Kien steward fi kċina zgħira, iżda waqt xi attakk kellu xogħol ieħor biex jgħin lill-baħrin l-oħra.    Barra milli kien jieħu ħsieb l-apparat li jtella' fil-wiċċ jew iniżżel is-sottomarin, meta kienu jintużaw il-kanuni xogħolu kien li jnewwel il-balal.   Kienu jgħixu l-parti kbira ta' ħajjithom fil-dlam, jorqdu matul il-ġurnata u jaħdmu u jieklu matul il-lejl meta jitilgħu fil-wiċċ.   Meta kienu jintlemħu mill-għadu barra milli jinżlu fil-qiegħ kienu jridu jitfu wkoll il-magni u lanqas jitkellmu għax kull ħoss kien jinqabad minn fuq.

 

Paul irċieva diversi unuri għas-servizzi qalbiena li ta waqt  żminijiet diffiċli. Ġie onorat mill-Gvernijiet ta' l-Ingilterra  u ta' Malta; mill-awtoritajiet Pollakki u mill-Qawwiet Navali Ngliżi.   B'umiltà kbira Paul qalilna li l-Midalji kollha li  ngħata, madwar 15 il-waħda, kien irregalhom lill-War Museum ta' Malta fejn jinsabu esebiti f'post prominenti fejn wieħed jista' japprezza sew il-qlubija ta' Paul.

 

 

 

 

 

 

 

 

Hosted by www.Geocities.ws

1 1