|
Il-Festa
Maltija kif nafuha llum żviluppat matul id-19 il-seklu mingħajr
ma warrbet l-egħruq tradizzjonali tal-qedem. Dari l-festi kollha kienu jsiru skond
il-festa liturġika tagħhom. Illum kollha jsiru tista tgħid
matul ix-xhur ta' Lulju u Awissu. Fis-seklu 16 il-festa fl-ibliet u l-irħula maltin kienet differenti minn dik
tal-llum. Kienet x'aktarx
tiddependi fuq xi benefattur li kien iqassam il-ħobż, imbid,
frott u ħelu lil dawk li jattendu għall-funzjoni reliġjuża
u xi flus lil foqra.
Bejn
is-seklu 17 u l-bidu ta' l-20 fil-knejjes kien jintefa' fl-art weraq tar-Rand u tas-siġar
tal-Larinġ u l-Ħarrub biex ifewwaħ l-arja. L-isparar tal-maskli jidher li beda
fis-17 il-seklu u dak tal-murtali
madwar l-1738 meta bdiet tintuża wkoll forma ta' illuminazzjoni
fil-lampi taż-żejt. Kienu jintużaw wkoll bnadar fuq il-bjut
u z-zuntier tal-knejjes li x'aktarx kienu jinkrew minn għand xi reġiment
militari jew minn fuq ix-xwieni tal-Kavallieri. Iduru mat-toroq kont issib gruppi ta' xi
tlieta jew tnejn idoqqu l-fifra u t-tamburlin. Fil-knejjes kien ikun hemm servizzi
mużikali speċjali x'aktarx minn mużiċisti mill-Katidral
ta' l-Imdina.
Fl-1690
bdiet l-użanza li waqt il-purċissjonijiet fil-festi tal-Madonna
toħroġ dejjem l-istess vara tkun xi tkun il-festa, iżda dan
inqata' għal ħabta ta'
l-1755 meta bdew isiru dawk titulari.
Matul
is-seklu 18 l-Ordni tal-Kavallieri bdiet torganizza festi popolari biex
tiċċelebra
avvenimenti marbuta ma'
l-Ordni.
Insibu li
De Rohan biex jaljena l-poplu mid-disastru soċjali u ekonomiku li kien
hawn fil-pajjiż għamel minn kollox biex iħajjar il-poplu jieħu
sehem u jiddeverti f'dawn il-festi.
Mal-wasla
ta' l-Ingliżi l-festi komplew jieħdu r-ruħ partikolarment
mill-1860 bit-twaqqif tal-Baned lokali li għadhom sallum il-qofol
tal-festa Maltija. Anki l-logħob
tan-nar ta' l-ajru u ta' l-art kompla jiżviluppa sa mill-1801biex sar
attrazzjoni sabieħa fil-festa.
Sfortunatament ħafna drabi
l-festi spiċċaw ta' għajb minħabba l-piki bla
bżonn partikolarment biċ-ċelebrazzjonijiet tal-Festi
Sekondarji u t-twaqqif ta' aktar minn banda waħda f'diversi lokalitajiet. Hu dover ta' kull wieħed minna li
ma nħallux dan jiġri ħalli nkomplu ngawdu tradizzjoni tant unika għalina l-Maltin.
|