Knisja Parrokkjali Parroċċa Kristu Re

 

 

 

 

 

 

 

Bidu

 

Merħba

 

Storja

 

Kleru

 

Quddies

 

Servizzi

 

Għaqdiet

 

Is-Saltna

 

Avviżi

 

Ħolqa ma' ...

 

Nisimgħu mingħandek

 

Ħajr

 

 

 

 

RAĦAL  ĠDID

L-Ewwel Kappillan  -  Dun Salv Chircop

Alfred Ellul Galea

 

Xahar wara li Mons Arċisqof Pietro Pace ħareġ id-digriet li permezz tiegħu twaqqfet il-parroċċa l-ġdida tagħna  taħt  l-isem  tal-Qalb Imqaddsa ta' Ġesù, fit-12 ta' Lulju 1910,  tħabbret il-ħatra ta' Dun Salvatore Chircop D.D. bħala l-ewwel kappillan ta' Raħal Ġdid.

 

Qabel ma dan il-qassis ħabrieki u żelanti wasal fostna,  ġa  kien  qeda  dmiru  għal  ħames  snin sħaħ bħala r-ragħaj spiritwali tal-knisja ta' San Pawl fir-Rabat, meta dan il-lokal u l-Imdina saru żewġ parroċċi għalihom fl-1902.   Il-ħidma tiegħu fostna bdiet f'Ottubru ta' l-1910 u dam jieħu ħsieb il-ħtiġijiet spiritwali tal-Pawlisti sa Marżu ta' l-1914.   Fi żmienu l-popolazzjoni ta' dawn l-inħawi rat qabża enormi, l-aktar bl-iżvilupp li kien qed isir fit-tarzna.  Ħa ħsieb li ssir pittura tal-Qalb Imqaddsa ta' Ġesù mill-artist magħruf Żebbuġi Lazzaro Pisani biex titqiegħed fuq l-artal   maġġur flok dik ta' Sant'Ubaldeska.  Fi żmien il-parrokat tiegħu, l-festa tat-titular kienet issir fl-ewwel Ħadd ta' fuq l-Ottava tal-festa liturġika tal-Qalb ta' Ġesù.

 

Sentejn wara li temm il-ħidma tiegħu fostna, Dun  Salv  Chircop,  li  twieled  il-Belt, inħatar kappillan tas-Siggiewi, fejn dam imexxi l-parroċċa ta' San Nikola għal sitt snin sħaħ.   F'Marżu ta' l-1922 reġa gie jieħu ħsieb il-parroċċa tagħna. Iżda din id-darba, minkejja li Raħal Ġdid kien għadu parroċċa żagħżugħa, sab xena differenti peress li l-mexxej spiritwali ta' qablu, Dun Nerik Bonnici, kien ħareġ bl-idea li tinbena knisja ġdida u akbar flok fejn kienet tinsab il-knisja l-qadima u mkabbra ta' Sant'Ubaldeska.

 

Bil-popolazzjoni t'hawnhekk fl-ewwel snin ta' l-għoxrinijiet tas-seklu l-ieħor tlaħħaq 'il fuq minn ħamest elef, u bi prospetti li tiżdied ħafna aktar, il-ħabrieki kappillan Chircop intefa' b'ruħu u b'ġismu jaħdem b'riżq il-proġett ġganti ta' bini ta' tempju majestuż fil-misraħ ewlieni ta' Raħal Ġdid.   Huwa ħatar Kumitat ta' 12 il-ruħ biex imexxi dan il-proġett u filwaqt li l-perit Ġużè Damato okkupa l-kariga ta' Segretarju, l-istess  kappillan   serva  fih   bħala  President  u  Kaxxier.   Tħejjew tliet pjanti minn Damato għall-bini tal-knisja l-ġdida li minnhom intagħżlet waħda u bit-tħabrik tiegħu ingħatat art b'xejn mill-gvern biex fuqha tinbena l-knisja l-ġdida fl-inħawi magħrufa bħala Tal-Borġ.

 

Matul  din  it-tieni  miġja  tiegħu  fostna,  l-Pawlisti assistew għal żewġ ġrajjiet importanti fl-istorja soċjo-reliġjuża ta' Casal Paula.   L-ewwel waħda kienet dik ta' meta nhar l-ewwel t'April ta' l-1923 tqiegħed salib imdaqqas ta' l-injam fuq pedestal fejn kellha titla' l-knisja l-ġdida. Ċerimonja li bdiet bit-tberik tas-salib fil-knisja l-Qadima ta' Sant'Ubaldeska u ssokktat madwar it-toroq ta' Raħal Ġdid fost il-briju  tal-Pawlisti u daqq tal-Banda Fra Antoine de Paule  u bil-kappillan Chircop  merfugħ  fuq  l-idejn.    Kienet  il-bidu ta' ħolma  li  l-Pawlisti  kienu  ilhom  jistennew  li  tibda sseħħ.   Imbagħad fit-30 ta' Ġunju ta'  l-istess sena,  lejliet il-festa  titulari tal-Qalb Imqaddsa ta Ġesù,  saret festa kbira bil-kappillan Chircop ibierek u jqiegħed l-ewwel ġebla tas-sisien.

 

Iżda festa akbar kienet dik meta fl-24 ta' Frar ta' tmenin sena ilu, fl-1924, l-Arċisqof  Mons  Dom  Mauro Caruana bierek u qiegħed l-ewwel ġebla tal-knisja l-ġdida.   Ix-xogħol tal-bini tal-knisja l-ġdida fi żmien Dun Salv, mexa 'l quddiem  ħafna  tant  li  l-istess  Isqof,  waqt  waħda  miż-żjarat li għamel lil dan it-tempju majestuż,sejjaħlu bħala “miraklu” .

 

Dun Salv Chircop  u l-parruċċani tiegħu għaddew minn mumenti ferm koroh meta fil-bidu ta' l-1926 inqalgħu konflitti serji bejn l-arkitett Damato u xi membri tal-Kumitat li wassal  biex  il-bini    kellu   jieqaf    ħesrem.    Dun  Salv għadda minn ħafna taqtigħ il-qalb f'dawk iż-żminijiet iebsa meta l-Kurja kellha wkoll saħansitra twaqqaf Kummissjoni ta' żewġ periti biex tħejji Rapport dwar  l-istat  tal-bini  ta'  dan  it-tempju  majestuż li ħafna bdew juru d-dubji tagħhom kemm seta jżomm wieqaf fuq il-kolonni tal-ferro-konkrit li kien qed jintuża għall-ewwel darba f'pajjiżna mill-perit Gużè Damato.

 

Kien  ukoll f'nofs it-tieni parrokat tiegħu fostna li tkebbset ix-xewqa li l-knisja l-ġdida tkun iddedikata lil Kristu Re wara li fl-1925 l-Papa Piju XI waqqaf il-festa liturġika bil-ħruġ ta' l-enċiklika  Quas Primas.

 

Meta l-kappillan Chircop miet, nhar il-25 ta' Jannar 1928, ix-xogħol tal-bini tal-knisja l-ġdida kien għadu wieqaf.   Peress li kien magħruf sew għall-ħidma pastorali tiegħu f'bosta bliet u rħula, waqa' luttu kbir fuq il-pajjiż kollu. Il-funeral solenni sar l-għada wara nofsinhar b'quddiesa praesente cadevere fil-knisja ta' Sant'Ubaldeska u fuq xewqa tar-Rabtin, d-difna saret fir-Rabat  fejn serva bħala kappillan tal-parroċċa ta' San Pawl.

 

 

 

 

 

 

 

 

Hosted by www.Geocities.ws

1 1