|
Ta’ kull sena f’Ħamis
ix-Xirka, l-Papa jibgħat ittra lis-Saċerdoti. Bħala nisrani
ma nistax ma
jimpurtanix mis-saċerdoti, mill-ħidma tagħhom fil-parroċċa
tagħna, mill-ħajja li jgħixu u mill-futur tal-parroċċa
tagħna. Fil-ħarga li għaddiet,
f’din il-paġna tkellimna dwar is-saċerdoti, reliġjużi u
missjunarji li ħarġu mill-parroċċa tagħna u li qed
jaħdmu u jagħtu servizz f’parroċċi oħra. Meta wieħed iħares lejn
is-sitwazzjoni fil-parroċċa jaħseb li n-numru ta’ saċerdoti
huwa kbir mhux ħażin, għalkemm 3 biss huma taħt
is-sittin sena.
Jista’ jkollna aktar vokazzjonijiet mill-parroċċa? Fl-ittra tiegħu l-Qdusija tiegħu
il-Papa tkellem dwar l-importanza ta’ l-abbatini fil-ħajja tal-parroċċa. Nixtieq li nagħmlu riflessjoni dwar
dan. Nammira l-impenn ta’ l-abbatini
fil-ħajja parrokkjali. Illum
differenti mis-snin l-imgħoddija.
L-impenn ta’ l-abbati ħafna drabi jfisser ukoll impenn għall-ġenituri
u tal-familja kollha. Ħafna
minnhom huma żgħar u
għadhom jiddependu mill-ġenituri f’ħafna affarijiet. Żgur li f’isimkom jenħtieġ
li napprezzaw is-sagrifiċċju ta’ dawn il-ġenituri li għall-ġid
ta’ uliedhom lesti li jadattaw il-ħajja tal-familja.
Meta qed nitkellmu dwar l-abbatini ma niftakrux biss f’dawk li jagħtu
servizz fil-knisja ta’ Għajn Dwieli, fil-knisja ta’ l-Erwieħ u
dik ta’ l-Agostinjani f’Ħal Tarxien.
F’isimkom nixtieq ngħid grazzi lil Fr Michael Bellizzi u lil
dawk kollha li jgħinuh fil-grupp ta’ l-abbatini fil-knisja
parrokkjali, lil Fr Joe Saliba li jieħu ħsieb l-abbatini ta’ Għajn
Dwieli u anke lil dawk li jieħdu ħsieb abbatini mill-parroċċa
tagħna li jservu fil-knejjes ta’ l-Erwieħ u ta’ l-Agostinjani.
Nagħlaq b’appell ħalli jekk xi tfal li se jagħmlu l-Preċett
jixtiequ jidħlu abbatini tajjeb li jkellmu lil dawk responsabbli minn
dan il-grupp fil-knejjes fejn jattendu.
|