|
Minn meta
l-Kummissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ħadet f’idejha
l-attivitajiet konnessi mal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Parroċċa
tagħna, dawn ħadu spinta ferm ’l quddiem.
Fost
l-attivitajiet organiżżati mill-Kummissjoni hemm il-Via Sagra fit-toroq bl-istatwa
tar-Redentur, il-Pellegrinaġġ Marjan bl-istatwa tad-Duluri,
il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira kif ukoll dik ta’ Kristu
Rxoxt nhar Ħadd il-Għid filgħodu. Kif wieħed jista' jinnota, f’dawn
l-aħħar snin, dawn il-manifestazzjonijiet żdiedu ferm
fil-popolarità u l-livell.
Din is-sena ma
kienitx eċċezzjoni. Kull min segwa xi waħda minn dawn
l-attivitajiet żgur seta' jinnota l-parteċipazzjoni ta’ numru
kbir ta’ nies li ħadu sehem fihom.
Fost dawn l-attivitajiet, bla dubbju, l-aktar li tispikka hija l-PurĊissjoni
tal-Ġimgħa l-Kbira. Kulħadd
seta' jinnota l-progress li sar kemm f’dawk li huma persunaġġi u
vestwarju kif ukoll fil-vari l-ġodda li din is-sena sebbħu l-purċissjoni
tal-Ġimgħa filgħaxija u dik tal-Ħadd filgħodu. Wieħed ma jridx jinsa li l-membri
tal-Kummissjoni u xi voluntiera jkunu għaddejjin b’ħidma kontinwa
matul is-sena kollha biex seta jintlaħaq dan il-għan.
Fattur
importanti li ġab dan is-suċċess mixtieq hu s-serjetà u
d-dixxiplina li l-Kummissjoni rnexxiela ddaħħal fost il-parteċipanti
kollha. Naturalment ringrazzjament speċjali għandu jmur
lid-diversi benefatturi li bl-għajnuna tagħhom saru dawn l-opri ġodda
kollha. Importanti kienu ukoll dawk
id-donazzjonijiet żgħar
mogħtija mill-pubbliku ġenerali.
B’wiċċna
minn quddiem nistgħu ngħidu li għalkemm il-purċissjoni
tal-Ġimgħa l-Kbira fil-parroċċa tagħna hija
l-aktar waħda riċenti f’Malta, m’hemmx dubju li hi waħda
mill-aktar spettakulari. Dan hu
kollu grazzi għall-ħidma u dedikazzjoni volontarja ta’ bosta
individwi li jiddedikaw il-ħin tagħhom jaħdmu bil-kwiet għall-ġid
tal-parroċċa tagħna.
|