|
Jiena nemmem
fl-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu tal-Verità.
Dan huwa r-ruħ u l-ħajja ta’ Kristu u l-Knisja. Jekk
Alla huwa wieħed, anki
l-Knisja jeħtieġ li tkun
waħda, bi Kristu Ġesù bħala Kap. Is-setgħa li tirrenja ġiet mogħtija minn
Kristu lil Xmun
Pietru. Bħala l-blata ewlenija, Pietru ngħata l-infietaħ
tas-Saltna biex jgħaqqad u jħoll.
Bħala soċjetà dan hu mportanti għall-Knisja biex
tmexxi infallibilment is-segwaċi tagħha. B’xorti tajba hu Alla li jmexxi l-Knisja,
u Huwa nfallibli u ma jistà jiżbalja qatt.
Il-Knisja hi
'Kattolika' li tfisser 'universali' għax Ġesù qal lid-dixxipli
biex imorru jgħallmu u jkunu xhieda tiegħu mal-ġnus
kollha. Dan ma jfissirx li
l-kattoliċi biss jmorru l-ġenna, għaliex din mhi monopolju
ta’ ħadd. Alla biss jaf x’hemm
f’ruħ il-bniedem.
Il-Knisja hi
Qaddisa għax min waqqafha hu
Qdusija u ħallielha
l-meżżi kollha biex il-poplu jkun jista jitqaddes - is-Sagramenti. Il-bnedmin huma kollha midinbin,
iżda Ġesù nnifsu offra lil Missieru t-tpattija għan-nuqqasijiet
tal-bniedem, billi ġarr fuq spallejh il-piż tad-dnubiet ta’
l-umanità . L-għan
tas-Sagramenti hu biex meta nidinbu
nkunu nistgħu nerġgħu nakkwistaw mill-ġdid il-grazzja
t’Alla.
Il-Knisja hi
Appostolika. Kull razza, kull soċjetà,
kull nazzjon, kull għaqda, jrid ikollhom min imexxiehom. Kull min imexxi għandu bżonn oħrajn
biex jgħinuh. Ġesù hu
l-Kap tal-Knisja li ħatar lil Pietru biex imexxieha. "Xmun! Xmun! Ara, ix-xitan
riedkom f’idejh biex
jgħaddikom mill-għarbiel
bħall-qamħ; imma jiena tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek
ma tiġix nieqsa. Inti mbagħad,
meta terġa' lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek" (Lk 21, 31-32). Ħafna
jaħsbu li r-reliġjonijiet
u d-denominazzjonijiet huma
kollha l-istess f’għajnejn
Alla. Il-Kardinal
Ratzinger, fid-Dokument tiegħu dwar
Ġesù Kristu jgħid:
"Kull reliġjon, kull
denominazzjoni għandha fiha xi verità , imma l-verità fl-intier
tagħha kollha tinsab biss fil-Knisja Kattolika."
Il-Kredu
jfakkarna fil-kliem tal-Bibbja fejn insibu li biex nevitaw id-dnub irridu
naħsbu fuq il-Mewt,
il-Ġudizzju
Universali, il-Ġenna u
l-Infern. Għalhekk għandna
nżommu dejjem f’moħħna li lkoll kemm aħna
nappartjenu lix-Xirka tal-Qaddisin u f’dawk li diġà huma
salvi u qed jitolbu għalina. Niftakru wkoll f’dawk l-erwieħ li
jinsabu fil-Purgatorju li filwaqt li għandhom bżonn it-talb tagħna
biex jissaffew mill-aktar fis minn ħtijiethom, huma
wkoll jitolbu għalina quddiem Alla. Irridu nfittxu li fil-ħajja tagħna
nimitaw lill-Qaddisin u nitolbu l-interċessjoni tagħhom biex ngħixu
ħajja tajba biex bħal ma għamlu huma aħna wkoll immorru
ngawdu l-hena ta’ dejjem fis-Saltna ta’ Kristu.
It-Tieni
Parti: Is-Sagramenti
Il-bniedem hu
dik l-unika kreatura misterjuża li għandha moħħ biex taħseb
u tibdel id-dinja. Minħabba
l-libertà li Alla ta lill-bniedem,
din hi l-unika
kreatura li hi
kapaċi tagħmel it-tajjeb u l-ħażin. Alla qatt ma abbanduna lill-bniedem u għaldaqstant
Ġesù tagħna is-Seba’ Sagramenti.
Peress li jaf kemm aħna fraġli, s-Sagramenti huma mibnija
fuq il-ħajja umana.
Il-bniedem
jitwieled u għalhekk Ġesù ried li jagħtina twelid spiritwali permezz tal-MAGĦMUDIJA. It-tarbija għandha bżonn ħafna
nutriment u mħabba biex tikber f’saħħitha. Alla jrid li jagħtina mħabbtu u
l-għajnuna kollha biex nikbru spiritwalment u għalhekk Ġesù
tagħna s-Sagrament tal-GRIŻMA.
Il-bniedem għandu
bżonn li jikkomunika ma’
oħrajn biex jibqa’
f’sensieh. Ġesù jaf
li għandna bżonn nitkellmu dwar il-problemi spiritwali li
niltaqgħu magħhom. Għal
din ir-raġuni, tagħna s-Sagrament tar-RIKONĊILJAZZJONI
(il-Qrar). Taħseb li l-bniedem
jistà jgħix mingħajr ikel u xorb?
Tistà r-ruħ tgħix mingħajr ikel u xorb? Ġesù ried li jitmagħna b’Ġismu
stess u b'Demmu bħala xorb fl-EWKARISTIJA. Il-bniedem jeħtieġ li jkollu
t-tama fil-futur u jemmen fil-ħajja eterna ta’
tgawdija meta jħalli din
id-dinja. U biex jilħaq
dan il-għan jeħtieg li jħalliha mingħajr dnub. Anki hawn Ġesù ħaseb fina
bit-twaqqif tal-GRIŻMA TAL-MORDA.
U minn dan naraw kif Ġesù ħaseb għalina mill-bidu
tat-twelid tagħna sa ma nkunu lesti li nħallu din id-dinja.
Imma l-Iben
t’Alla ried li jieħu ħsieb ukoll il-ħtiġijiet ta’
l-umanità. Ried li jkollu sehem
fit-tisħiħ tas-soċjetà billi jħares il-bżonnijiet
spiritwali fl-għaqda ta’ bejn ir-raġel u l-mara, u dan insibuh
fis-Sagrament taż-ŻWIEĠ.
Fiż-żwieġ Ġesù ried li jqaddes il-ġisem
tal-koppja li tkun
qed tiżżewweġ. Peress li jaf li fin-natura tiegħu
l-bniedem dejjem ifittex dak li hu spiritwali waqqaf l-ORDNI SAGRI.
Fit-twaqqif
tas-Sagramenti Ġesù ma wżax xi maġija jew affarijiet
ikkumplikati. Irrikorra għall-aktar affarijiet ordinarji u komuni bħal
ma hu l-ILMA, element biex tinħasel ruħna. Uża ż-ŻEJT fi tlett
Sagramenti. Iż-żejn minn
dejjem kien jintuża mill-gwerriera biex isiru aktar qalbenin u għalhekk
insibuh fil-GRIŻMA ta’ L-ISQOF.
Iż-zejt kien jintuża wkoll bħala element tas-sbuħija
u għalhekk jindilku bih idejn is-saċerdoti waqt
l-Ordinazzjoni. Kien jintuża
wkoll għall-fejqan ta’ bosta ġrieħi u mard, u għalhekk
jintuża fil-GRIŻMA TAL-MORDA.
L-importanza tal-ħobż ħadd
ma jiċħadha. Fis-Sagrament ta’
l-EWKARISTIJA Ġesù uża
l-ħobż u l-inbid għax
kif kienu jgħidu l-Lhud "fejn m’hemmx inbid m’hemmx ferħ."
|