|
L-inħawi
ta’ madwar il-Komunità ta’ Għajn Dwieli ġewwa Raħal Ġdid,
kif ktibna diversi drabi oħra,
huma magħġuna sew mal-ġrajjiet soċjali, reliġjużi
u ekonomiċI li seħħew sa mill-ibgħad żminijiet
meta l-bniedem Neolitiku rifes il-gżejjer Maltin. Iżda forsi ftit jafu li Għajn
Dwieli fl-imgħoddi ta sehmu wkoll
biex il-wirt kulturali
tal-gżejjer Maltin jiġi mħares u finalment isib
post fejn jixraqlu f’Mużew Nazzjonali.
Kien Ġan
Frangisk Abela (1582-1655), missier l-istorja ta’
Malta u Viċi Kanċillier ta’ l-Ordni, li ta
bidu għall-kollezzjoni ta’ oġġetti li għandhom
x’jaqsmu ma’ l-istorja u l-arkeoloġija ta’ pajjiżna. Ġan Franġisk Abela, li kien wieħed
mill-mistednin preżenti fit-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla
tal-knisja ta’ Sant’Ubaldeska fl-1630, kellu villa fil-Marsa li baqgħet
isservi ta’ kenn għal dawn l-oġġetti sakemm wara mewtu ħallihom
lill-Patrijiet Ġiżwiti.
Aktar tard il-kollezzjoni ta’
Abela, li kienet tikkonsisti f’għadd ta’ oġġetti
prezzjużi antiki, fosthom iċ-ċippus Puniku, spiċċat
ġewwa villa f’Għajn Dwieli.
Din il-villa,
jew aħjar palazz żgħir bi ġnien ma’ ġenbha, kienet
propjetà tal-Balliju Portugiż Franġisku de Sousa, li kien
in-neputi tal-Gran Mastru Manoel de Vilhena (1662-1736). Huwa kien bena wkoll biswitha knisja
żgħira ddedikata lil San Franġisk de Paola fl-1747, sabiex
taqdi l-ħtiġijiet reliġjużi tal-baħħara u
n-negozjanti, peress li d-daħla tal-Franċiżi taħt
Kordin kienet tipprovdi kenn tajjeb għax-xwieni.
Iżda
l-kollezzjoni ta’ Abela ma ngħatatx l-attenzjoni u l-kura meħtieġa waqt
li kienet merfugħa fil-Villa
ta’ de Sousa f’Għajn
Dwieli. Għalhekk il-kollezzjoni
li kienet tħaddan fiha statwi,
tabelli b’kitbiet fuqhom, bicciet ta’ rħam ta’ monumenti ta’
żmien il-qedem, kotba, oġġetti antiki tal-ħġieġ,
sarkofagi, obeliski, bċejjeċ tal-fuħħar, għadam u
midalji fost oġġetti oħra, ġarrbet xi ħsarat.
Barra minn hekk
il-kollezzjoni, li aktar tard kellha sservi bħala bażi għat-twaqqif
ta’ mużew nazzjonali, kompliet tiftaqar, meta naqsu bosta oġġetti
imprezzabbli. Rapporti ta’ dawk
iż-żminijiet
jallegaw li kavallieri Franċiżi serqu xi wħud
minn dawn l-oġġetti waqt li kienu maħżuna fil-villa ta’
de Sousa. Il-kittieb magħruf Għawdxi
u l-ewwel Librar tal-Bibblijoteka, l-Kanonku Ġ.P.F. Agius de Soldanis
(1712-1770) stqarr li l-oġġetti f’dawk iż-żminijiet
kienu fi stat tal-biki.
Iżda tnax
il-sena wara l-mewt tal-Balliju de Sousa, li ġrat fit-2 t’Awissu 1756,
il-kollezzjoni waqgħet f’idejn l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann
u għalhekk ma baqgħetx aktar imrekkna fil-palazz żgħir
li dan il-Kavallier kellu f’Għan Dwieli. U minn hawn ’il quddiem il-kollezzjoni li
taf il-bidu tagħa issoktat tikber sa ma sabet ruħha fil-Librerija
Nazzjonali ġewwa l-belt Valletta fl-1811; u fil-bidu tas-seklu għoxrin,
fl-1903, ġiet trasferita għal Palazzo Xara. Dan l-aħħar bini beda jaqdi
l-funzjoni ta’ l-ewwel mużew għal dawn l-oġġetti wara
li kienet ġiet organiżżata wirja f’dal-post sentejn qabel
fl-okkażjoni taż-żjara fostna tad-Duka u d-Dukessa ta’
York. Mal-milja tas-snin
il-kollezzjoni ssoktat tiżdied u wara li ttieħdet fil-Berġa
ta’ l-Italja, fi Triq Merkanti, finalment sabet ruħha fil-Mużew
ta’ l-Arkeoloġija fejn nafuha llum ġewwa l-Berġa ta’
Provenza fi Triq ir-Repubblika.
Ta’ min isemmi
wkoll is-sehem kbir li ta fil-ħarsien ta’ dan il-wirt kulturali it-tabib,
arkeologu u kittieb Sir Temi Zammit (1864-1935), l-ewwel Direttur
tal-Mużew Nazzjonali, u wkoll għandu rabta intima ma’ Raħal Ġdid
bl-iskavar ta’ tempji prejistoriċi, fosthom dawk ta’ Kordin u ta’
l-Ipoġew.
|