IL-FESTA  PARROKKJALI  2004

 

Mir-Rapport Finanzjarju pubblikat f’paġna 21 fil-ħarġa tal-fuljett Is-Saltna ta’ Novembru/Diċembru 2003, il-Kumitat tal-Festa wera li  l-Festa Titulari   s-sena   l-oħra   kellha   żbilanċ   ta’  LM4293.   Kulħadd  jaqbel  li  dan  ma  jistax  jirrepeti  ruħu  u  għaldaqstant ħassejna li għandna nuru t-tħassib tagħna dwar dan.

 

Żgur li mhux kulħadd jifhimha l-istess dwar il-Festa Parrokkjali.   Hemm min il-festa hi kollox għalih; oħrajn jarawha bħala okkażjoni unika fejn il-komunità Pawlista tingħaqad flimkien darba f’sena f’atmosfera ferrieħa; xi wħud fejn ikollhom ftit tal-ħin jiltaqgħu ma’ nies li jkunu ilhom ma jaraw mis-sena ta’ qabel; u hemm ukoll dawk li għalihom il-festa ma tfisser xejn, anzi pjuttost iddejjaqhom.   X’għandu jsir?

 

Il-festa ma tistax tikber u nkomplu nżidu l-ispiża.   Jista jkun hemm  xi  affarijiet  li  jkollna  nnaqsuhom  jekk il-kontibuzzjonijiet għall-festa se jibqgħu kif inhuma.   Il-ġbir li qed isir minn naħa tal-knisja għall-festa lanqas biss qed ikopri l-ispiża tan-nefqa għad-dwal tat-toroq.  Mill-istess Rapport Finanzjarju jidher li l-ġbir mill-envelopes kien ta’ LM1500 filwaqt li l-ispiża tad-dwal fit-toroq  kienet ta’ LM2500.   Jekk il-festa, kif inhi, tagħmel sens, jenħtieġ li jiżdiedu l-kontribuzjonijiet mill-poplu għaliex inkella jkollhom jittieħdu deċizjonijiet fejn innaqsu xi affarijiet biex jinstab bilanċ.

 

 

Qegħdin nuru minn kmieni dan it-tħassib tagħna sabiex kulħadd ikun ippreparat li meta jasal iż-żmien u nitolbukom l-għajnuna iżjed mis-soltu tkunu tafu għaliex qed isir dan.

 

 

Bħala l-ewwel pass, matul ix-xahar ta’ Marzu se ssir ġabra speċjali biex forsi nkunu nistgħu nkopru l-ispejjeż għad-dwal fit-toroq.   Filwaqt li nisperaw li tkunu ġenerużi nirringrazzjawkom.

 

Hosted by www.Geocities.ws

1