|
IL-KATEKIŻMU
TAL-KNISJA KATTOLIKA |
|
Jispjega Fr Tito Sammut |
|
Il-Kredu ta’ l-Appostli
u dak ta’ Niċea fihom it-tagħlim li kull Kattoliku għandu jkun
jaf. Din hi
l-ewwel parti ta’ din l-ispjega li tkompli fil-ħarġa li jmiss. |
|
IT-TRINITÀ - Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu - huma tlett persuni, iżda ALLA wieħed. Dan hu misteru, iżda nistgħu
nifmuh. Kull persuna fid-dinja hija
differenti minn oħra, iżda l-persuni kollha fid-dinja għandhom
natura waħda - dik umana. Alla
hu l-istess tlett persuni differenti, iżda natura waħda - dik
Divina. Meta Alla ħalaq il-bniedem,
Hu qal: “Ejjew nagħmlu l-bniedem xbieha tagħna”. Skond San Ġwann “Kristu kien il-Verb Divin li bih sar
kollox”. Kristu miet
biex isalva l-bnedmin. Ħafna mietu
msallbin bħal Kristu, iżda ħadd minnhom ma setgħa
jsalvana. Kristu salvana għax hu
Alla. It-tlett persuni flimkien ħadu
sehem fil-fidwa tagħna. Kristu
kellu bżonn ġisem bħal tagħna li kien konċeput
f’Marija bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu.
Meta Ġesù miet Hu offra ħajtu lil Missieru bħala rahan
għalina minħabba li konna skjavi tad-dnub. Alla l-Missier aċċetta l-offerta
ta’ Ibnu u tagħna ċans ieħor biex nistgħu ningħaqdu
miegħu fis-sema. Alla qatt ma abbanduna lil bniedem għax dan kien il-kapulavur
tar-raġuni. Ħadd fid-dinja
ma jista’ jsib l’Alla, iżda dan ma jfissirx li Alla ma
jeżistix. Ix-xewqa li jsib
l’Alla hi minquxa f’qalb il-bniedem li sa mill-qedem fittex allat biex iħarsuh. Skond l-Antik Testment kien Alla stess li
wera min Hu meta talab lil Abraham imur fil-post li wrieh biex isseħħ
il-wegħda li għamel lil Adam u Eva.
Meta Alla ħalaq il-bniedem tah il-libertà mhux biex jagħmel
dak li jrid hu, iżda biex jagħmel it-tajjeb biex isalva ruħu.
Alla jikkontrolla kollox barra l-libertà, għalhekk jippermetti l-ħażen
li l-bniedem jagħżel. Alla hu ġust, ħanin, jagħder
u jaħfer, iżda l-bniedem li jagħżel il-ħażen
lanqas Alla ma jkun jista’ jsalvah. Marija
hi dik il-mara li Adam u Eva semgħu biha fil-ġnien ta’ l-Għeden
meta Alla qal lis-serp: “Jiena nqajjem mibgħeda bejnek u bejn mara,
bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu”. Il-Kardinal Newman kiteb ħafna
dwar il-Madonna u l-Misteru ta’ l-Inkarnazzjoni. Alla ma riedx li Marija tkun skjava
tad-dnub oriġinali għax kellha tkun dik il-Verġni li ġġib
fid-dinja lil “Magħna hu EL”.
Il-kelma "EL" tfisser qawwa u poter u l-Lhud kienu
jużawha fl-ismijiet li taw lil Mulej.
Marija kienet Omm Alla għax Kristu kellu natura Divina u natura
Umana u dawn iż-żewġ naturi kienu f’persuna waħda. Hi aċċettat li ssir Omm is-Salvatur
bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu. F’Marija l-Missier ried
juri lil bnedmin kollha li l-bniedem ma kienx maħluq
biex imut. Kien id-dnub li daħħal
il-mewt fid-dinja. Għalhekk Hu
daħħalha s-sema bir-ruħ u bil-ġisem biex tkun Miegħu,
ma’ l-Ispirtu s-Santu u ma’ Ibnu Ġesù li kien ukoll binha. Il-mewt ma kelliex poter fuq Kristu. Huwa qam mill-mewt għall-ħajja u miegħu tella’
s-sema lil dawk l-erwieħ twajba li kienu qed jistennew il-fidwa. Kristu għad jerġa' jiġi
fil-glorja biex jagħmel ħaqq mit-tajbin u mill-ħżiena. Sakemm jasal dak il-jum, l-Ispirtu s-Santu
bħala difensur tal-”Ġisem ta’ Kristu” (Knisja Waħda, Qaddisa,
Kattolika u Appostolika), jkompli jaħdem biex jgħaqqad f’komunjoni
waħda 'l dawk li hemm
fis-sema, fil-purgatorju u fuq l-art. Hu jgħin bis-Sagramenti u t-Tagħlim tal-Knisja
lil dawk li jridu jsalvaw, sakemm tispiċċa d-dinja. It-tajbin imorru jgħixu ma’ Alla u l-ħżiena
jmorru fejn hemm il-biki u t-theżżiż tas-snien għall-eternità. |
|
|