RAĦAL  ĠDID

80 sena ilu

Alfred Ellul Galea

 

It-Tqegħid ta’ l-Ewwel Ġebla tal-Knisja Parrokkjali

 

Naħseb li bosta minnkom xi darba jew oħra nnutaw li fuq in-naħa tal-pilastru tal-kappellun ħdejn l-artal ta’ San Ġużepp hemm salib imnaqqax.   Marbuta ma’ din il-ġebla hemm ġrajja reliġjuża storika li teħodna lura fil-bidu ta’ l-għoxrinijiet   tas-seklu l-ieħor meta reġa’ rritorna fostna bħala mexxej spiritwali l-ewwel Kappillan Dun Salv Chircop.

 

In-nies ta’ Raħal Ġdid kienu qed jistennew b’ħerqa u ħeġġa kbira ċ-ċerimonja tat-tqegħid u t-tberik ta’ din l-ewwel ġebla tal-knisja l-ġdida tagħhom f’nofs il-misraħ li kienet waħda mill-isbaħ u l-akbar fil-ġżejjer Maltin.   Id-data għal din l-okkażjoni tħalliet għal lejliet il-Milied ta’ l-1923.   Iżda għalkemm kollox kien imħejji sabiex dak inhar din il-ġebla titqiegħed f’postha b’pompa kbira, minħabba x-xita li niżlet bil-qliel, din il-festa sabiħa kellha titħassar.

 

Eżatt xahrejn wara, nhar l-24 ta’ Frar ta’ l-1924, il-parruċċani ta’ Raħal Ġdid imlew l-inħawi ta’ madwar u l-bini tal-knisja l-ġdida li sa dak inhar kien jikkonsisti biss f’pedament għoli u mdaqqas.  Għal din l-okkażjoni ġew mistiedna l-Membri tal-Parlament kif ukoll l-Arċiprieti u l-Kappillani tad-Djoċesi Maltija.   Minbarra s-Soċjetà Filarmonika Fra Gran Maestro Antonio De Paula, kienu mistiedna wkoll il-baned San Giorgio ta’ Bormla u d-Duke of Edinburgh tal-Birgu.

 

Iżda l-attenzjoni tal-folla kbira li nġabret dak inhar kienet immirata lejn id-daħla ewlenija ta’ dar kbira u sabiħa li l-istess  Perit  tal-knisja  l-ġdida,  Ġuże Damato,  kien   bena biswit fejn kellha titla’ din il-knisja.   Dar li kienet flok fejn illum hemm il-bini tal-Bank of Valletta fi Triq Ġużè Damato li fl-imgħoddi kienet magħrufa bħala Strada Loggia, jew Triq l-Arkata.

 

Minn   din   id-dar    residenzjali   tas-Sur   Damato kellha toħroġ il-purċissjoni mmexxija mill-Isqof Mons. Fra Angelo Portelli O.P. —  id-Delegat ta’ l-Arċisqof Mons. Dom Mauro Caruana — flimkien mal-Kappillan Dun Salv Chircop (1910-1914 u 1922-1928) u l-Kleru ta’ Raħal Ġdid.  Minn hawn il-purċissjoni qasmet lejn in-naħa l-oħra tat-triq għal ġol-knisja l-ġdida li kienet għadha qed tinbena u li rat il-bidu tagħha ħdax il-xahar qabel bit-tqegħid tas-Salib kbir ta’ l-injam fejn kellha titla' din il-knisja tant majestuża.

 

X’ħin l-Isqof Portelli wasal fuq il-pjattaforma li tqiegħdet ftit metri bogħod mis-Salib imsemmi, il-parruċċani ta’ Raħal Ġdid kienu ġa’ mlew l-inħawi kollha ta’ madwarha sabiex isegwu sew iċ-ċerimonja.   Kien hemm bosta oħrajn li saħansitra telgħu fuq il-pedamenti minn fejn setgħu jsegwu b’mod aħjar dak kollu li kien qed isir.

 

Din il-festa reliġjuża seħħet meta fil-parroċċa żagħżugħa ta’ Raħal Ġdid kienu qed iseħħu paġni sbieħ mhux biss fil-qasam reliġjuż, iżda anke f’dak soċjali.   Il-popolazzjoni issa kienet laħqet is-sitt elef ruħ, meta erbgħin sena qabel kienet biss ftit anqas minn sitt mija.   Effett kbir ta’ din iż-żieda   fil-popolazzjoni   f’dawn   l-inħawi  huwa   attribut  lix-xogħolijiet u stabbilimenti li l-awtoritajiet Ingliżi bdew madwar il-port,  l-aktar  il-bini  tal-baċiri  l-kbar ġewwa t-tarzna fl-inħawi ta’ Għajn Dwieli.

 

Iżda fattur importanti fil-mixi ‘l quddiem tal-knisja l-kbira ġdida li kienet se tinbena flok dik ta’ Santa Ubaldeska sabiex tilqa’ fi ħdanha kongregazzjoni ferm akbar, kien il-wasla mill-ġdid fostna ta’ l-ewwel Kappillan ta’ din il-parroċċa.   Minkejja   l-piż kbir li l-bini ta’ dan it-tempju majestuż tefa’ fuqu u fuq il-kleru u n-nies ta’ Raħal Ġdid, xejn ma qata’ qalb dan il-Kappillan ħabrieki, biex jirbaħ xi ntoppi li nqalgħu dwar il-kostruzzjoni.   Deċiż kif kien huwa ssokkta bil-ħsieb  tal-bini ta’ knisja ġdida li kien twebbel bih il-Kappillan ta’ qablu Dun Nerik Bonnici (1917-1921).

 

Mons. Arċisqof Caruana ukoll kien juri interess kbir fil-bini ta’ dan it-tempju ġdid u kien ta’ spiss isib il-ħin biex iżur ix-xogħol ta’ kostruzzjoni meta kien għadu qed jinbena.

 

Hosted by www.Geocities.ws

1