|
IL-KARNIVAL
TA' MALTA |
|
Il-Karnival hu festa folklorista qadima li fi żmien ir-Rumani kienu jiffestiġġjawha fi tmiem
l-istaġun tax-xitwa u biex jilqgħu bil-ferħ dak tar-Rebbiegħa. Mhux kulħadd jaqbel kif tnisslet
il-kelma “Karnival” . Il-Professur
Aquilina u Erin Serracino Inglott
isostnu li hi
magħmula minn żewġ kelmiet Taljani “carne” u “vale” li jfissru “laħam
jiswa”. Studjużi taljani jagħtu
diversi tifsiriet oħra. Il-Karnival ta’ Malta kif nafuh illum, iċċelebrat
matul it-tlett ijiem ta’ qabel Ras ir-Randan, hu wieħed mill-eqdem
fl-Ewropa. Jingħad, għalkemm
hemm min ma jaqbilx ma’ dan, li l-Karnival ġie ntrodott f’pajjiżna
mill-Kavallieri ta’ San Ġwann fis-sena 1535 għalkemm il-poplu Malti
iffesteġġjah għall-ewwel darba fl-1560 fl-inħawi
tal-Kottonera. Kien għal ħabta
tas-seklu 18 li l-Karnival f’Malta laħaq il-qofol tiegħu minkejja
li ħafna kienu jqisuh bħala l-festa tax-xitan. Iżda taħt il-ħakma ta’
l-Ingliżi, l-Karnival mar lura u kien biss fl-1926 li reġa’ ħa
r-ruħ u beda jiġi organiżżat fuq livell nazzjonali
mill-gvernijiet tal-ġurnata. Minn wara l-gwerra il-qofol tal-Karnival kien
jintlaħaq fit-toroq ewlenin tal-Belt Valletta u kien ikun hemm parteċipazzjoni
qawwija fil-kompetizzjonijiet taż-żfin b’kostumi mill-isbaħ u
bil-karrijiet b’temi komiċi.
Mas-snin il-karrijiet trijonfali u l-kostumi ħadu dimensjoni oħra. Kibru fid-daqs u fl-ispettaklu tant
artistiku li bdew joffru. Il-barranin
li jżuruna f’dawk il-ġranet kollha jibqgħu msaħħra
mill-kapaċitajiet u l-ħila tal-karristi Maltin. Matul il-ġranet tal-Karnival fil-ħwienet
tal-ħelu jispikkaw il-prinjolata u l-perlini. Dawk li jbiegħu fit-toroq,
partikularment fid-daħla ta’ Bieb il-Belt, jippikaw fil-bejgħ ta’
maskri, blalen u kpiepel ikkuluriti, trumbetti u kull ħaġa li tagħmel
il-ħoss. Issib ukoll varjetà ta’
pistoli ta’ l-ilma li ż-żgħażagħ jixxalaw bihom
jimbxu lil kull min jgħaddi minn quddiemhom. Ħafna jħarsu lejn il-Karnival bl-ikreh minħabba xi abbużi li jsiru. Imma m’għandniex inħarsu lejn dawk il-ftit li jitilfu s-sens ta’ responsabiltà. Din għandha tkun festa tal-poplu li matulha jinsa xi ftit mill-problemi ta’ matul is-sena u jgħin biex il-familji jingħaqdu flimkien biex jiddevertu f’ambjent ta’ maturità u ferħ. |