L-ADORAZZJONI  FIL-KAPPELLA  TAL-M.U.S.E.U.M.

 

Ta’ kull sena f’dawn iż-żminijiet, il-Parroċċa tfakkarna fl-anniversarju tal-bidu ta’ l-Adorazzjoni fil-Kappella tal-M.U.S.E.U.M. tal-Bniet li tinsab fi Triq Santa Monica, kantuniera ma Triq it-Tarzna.   Minn din il-Kappella ħareġ tant ġid spiritwali u minn fejn tant nies ħassew lil Ġesù verament qrib tagħhom.   Min jaf kemm nies isibu l-faraġ ta’ Ġesù Sagramentat meta jinxteħtu quddiemu għal ħin ta’ kwiet!   Min jaf kemm bnedmin bidlu l-fehma tagħhom meta mimlija rabja jew dwejjaq ħassew lill-Mulej jurihom x’inhi l-attitudni li għandhom jieħdu  quddiem ir-rejaltà tal-ħajja li jinsabu fiha f’dik iċ-ċirkostanza partikulari.   Min jaf kemm Pawlisti bkew quddiem Ġesù minħabba l-qtiegħ il-qalb li kienu għaddejin minnu u Ġesù xxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom u nissel fuq wiċċhom tbissima għal darb’oħra!   Post ta’ talb bħal dan irridu napprezawh u nagħtuh il-valur li jistħoqlu.  

 

Mill-ftit ħin li ngħaddi f’din il-Kappella nħoss li għandi nagħmel appell lil dawk kollha li jidħlu biex jitolbu biex ma jkunux huma stess li jċekknu il-valur ta’ dan il-post.   Din l-attitudni faċli li tiġri b’ilbies mhux diċenti; b’talb fejn wieħed jgħajjat u li ma jħallix lil min jitlob fis-skiet; b’diskors bejn tnejn jew iżjed, kemm ġewwa u kif ukoll wara l-bieb ta’ barra, li jtellef lil kull min ikun ġewwa.

 

Jiena nħoss li l-poplu tal-Parroċċa tagħna ma jafx biżżejjed jew lanqas biss jaf li teżisti din il-Kappella.   Għal dawk li ma jafux din tkun miftuħa kuljum bejn it-8.00 ta’ filgħodu u l-4.00 ta’ wara nofs-in-nhar.   Nhar ta’ Ħadd tiftaħ bejn it-8.00 ta’ filgħodu u nofs-inhar.   Inħeġġiġkom biex issibu l-ħin u tgħaddu ftit minuti fil-kwiet ma’ Ġesù Sagramentat.

 

Hosted by www.Geocities.ws

1