JĠrajjiet  il-Madonna  ta'  Guadalupe

 

Mill-kitba ta' Mary Haber

 

Il-ġrajja tad-dehra tal-Madonna ta’ Guadalupe, saħħritni mill-ewwel li smajt biha bil-ġmiel tagħha.  Stagħġibt l-iżjed bil-futura teknoloġija li dehret fil-ħbub ta’ għajnejn il-Madonna; teknoloġija u xbihat li f’dak iż-żmien tad-dehriet ħadd ma kien joħlom bihom!   Imbagħad hemm it-tifsira ta’ kif kienet liebsa l-Madonna u l-ħlewwa ta’ kif ġabet ruħha mal-fqajjar Indjan umli.   Nghid għalija tant saħħritni li mill-ewwel għamilt il-ħsieb li xi darba nikteb il-ġrajja meraviljuża li qatt ma qrajt bħala fl-ebda dehra tal-Madonna partikularment minħabba xebh mal-Liżar ta’ Turin!

 

Domt ħafna ntella’ u nniżżel niktibiehx jew le.  Sa minn tfuliti kelli qima lejha minħabba l-fatt li hemm artal tagħha fil-knisja ta’ San Filippu, l-Isla fejn missieri kien jeħodni ta’ kuljum biex nisimgħu l-quddies.   Dan il-kwadru tal-Madonna ta’ Guadalupe hu bħal dak li hemm fi Spanja u  fid-dinja kollha dawn iż-żewġ kwadri biss huma l-istess.  Qatt ma kont nixba’ nħares lejh u dejjem ippruvajt nifhem xi jfissru dawk in-nies li jidhru fih.   Kull meta kont nistaqsi min huma u għaliex qegħdin hekk, kulħadd kien jgħidli: “Ma nafx”!   Ħassejt li hemm bżonn li l-ulied għeżież tal-Madonna għandhom isiru jafu aktar dwar din il-ġrajja tad-dehra ta’  l-għaġeb li l-Madonna għamlet lil Juan Diego li l-Papa Ġwanni Pawlu II ddikjarah Qaddis nhar il-31 ta’ Lulju 2002 waqt zjara tiegħu fil-Messiku.

 

Għamilt kuraġġ.  Bil-għajnuna tal-Madonna fittixt u għamilt xi riċerka u wara li sirt naf  l-istorja tad-dehriet tagħha fi Guadalupe li bdew nhar id-9 ta’ Diċembru 1531, iddeċidejt li niktibha u nxerridha fostna l-Maltin.

 

Fil-ktejjeb ċkejken li għadni kemm ippubblikajt insibu tagħrif dwar il-fqajjar raħħal indjan Juan Diego u d-dehra tal-Verġni żagħżugħa, smajra, twila madwar 143 ċm b’ħwejjiġha jiddu bix-xemx.    Fil-bidu Juan Diego ltaqa’ ma’ ħafna diffikultajiet sakemm l-awtoritajiet tal-Knisja tal-post  irrikonoxxew x’qed jiġri meta raw is-sinjal tal-fjuri u x-Xbieha tal-Verġni Marija stampata fuq il-mantell ta’ Juan Diego.   Insibu wkoll ħafna tagħrif ieħor dwar it-testijiet xjentifiċi u teknoloġiċi  li saru minn diversi esperti fuq x-xbieha mirakuluża u l-mirakli li saru bl-interċessjoni tagħha.

 

Kull min jixtieq dan il-ktejjeb,  bla ħlas,  jista’ jibgħat għalieh u jirċivieh id-dar bil-posta.  Iktbu lil:

 

MARY HABER, Blk A Flat 3, Binja Kordin, Pjazza Sant’Antnin, Paola PLA 07. 

 

Inkella kkuntattjawha bit-telefon fuq in-numru  21677867.

 

Hosted by www.Geocities.ws

1