|
Stazzjon
tar-Radju għall-Komunità Pawlista POWER FM 90.4 |
|
F’dawn il-ġranet f’Raħal Ġdid
rajna inizjattiva ġdida li hi żgur ta’ min ifaħħarha għax
tista’ tħalli ħafna ġid kemm materjali kif ukoll
spiritwali. Qed nirreferu għat-twaqqif
ta’ Stazzjon tar-Radju ġdid "POWER
FM 90.4". Staqsejna lis-Sur Emanuel Spiteri li hu
d-Direttur u Station Manager kif ġietu
l-ideja biex iwaqqaf u jħaddem dan l-istazzjon u qalilna: "L-ideja kienet ilha tberren f’moħħi
għax dejjem emmint li f”Raħal Ġdid għandu jkollna Radju
Komunitarju bħal ma hemm f’lokalitajiet oħra biex mhux biss iferraħ
u jgħaddi tagħrif lill-Pawlisti iżda biex iżomm kuntatt ħaj
mal-kumplament tal-gżira Maltija." Is-Sur Spiteri kompla jgħidilna li POWER FM qed ixandar mill-Istudios
f’54 Sammat Street, Paola fuq frekwenza 90.4 FM. Id-DJs
u x-xandara fuq dan l-Istazzjon huma nies stabbiliti u professjonali fil-qasam
tax-xandir. L-għan ewlieni hu li
POWER FM ma jdumx ma jkun wieħed
mill-aqwa ilħna komunitarji fil-pajjiż. Meta staqsejna lis-Sur Spiteri dwar min
jista’ jieħu sehem, bla tlaqliq wieġeb li dan hu "stazzjon
miftuħ għal kulħadd."
Se jxandar programmi li fihom se jkunu mistiedna l-għaqdiet
kollha f’Raħal Ġdid – dawk li jaħdmu fil-Volontarjat; fis-Soċjetajiet
Filarmoniċi; dawk soċjali u edukattivi; fil-qasam sportiv u
fil-qasam reliġjuż.
Il-Parroċċa ukoll se tkun tista’ ssemma l-leħen tagħha
permezz tal-Kappillan u membri oħra tal-Kleru. L-unika ħaġa li se tibqa' barra
se tkun il-Politika għax għal din hemm diversi postijiet oħra.
Fil-jiem li ġejjin se jkollna wkoll taħdidiet mal-Kunsill Lokali
Paola dwar is-sehem tiegħu fuq l-istazzjon. Is-Sur Spiteri enfasiżża li
l-ispazju tax-xandir fuq POWER FM
hu vast ħafna. Is-Sur Spiteri jemmen li kulħadd jista’ jagħti sehemu biex dan l-Istazzjon ikun tagħna l-Pawlisti, partikularment tal-ħwienet billi jirriklamaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom lill-komunità Pawlista. Dan jista’ jsir b’kuntatt mas-Sur Spiteri fl-istudios f’54 Sammat Street jew fuq il-mobile nru 99871163. Is-Sur Spiteri jemmen li “bdejna biex nibqgħu. U żgur se nibqgħu!”. |