IL-KATEKIŻMU  TAL-KNISJA  KATTOLIKA

 

Jispjega  Fr Tito Sammut

 

Ġesù għażel tnax il-Appostlu.  Kienu l-kolonni li fuqhom ried jibni l-Knisja tiegħu.   Bl-aktar mod ċar tagħhom mandat (Mission Statement):  “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom Jien.   U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien” (Mt 28, 19-20).   B’dan il-kliem Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu, partikularment lil Pietru, s-setgħa li jagħmlu liġijiet, jgħallmu u jsalvaw il-popli tad-dinja.

 

Il-Katekiżmu ma joffri xejn ġdid dwar il-fidi u l-morali.   Il-Katekiżmu jsegwi t-triq li għal dawn l-aħħar 20 seklu segwiet il-Knisja.   Fih insibu li, minbarra t-tagħlim ta’ Gesù u s-Santi Padri, hemm l-aċċettazzjoni tax-xjenza u teknoloġija moderna fir-rigward tal-fidi u l-morali.

 

Il-Papa Ġwann Pawlu II meta approva l-Katekiżmu stqarr: “Bħala Suċċessur ta’ Pietru, noffri lill-Knisja, Teżor Divin li għandu jgħaqqad lill-Knisja kollha.   Dan il-Katekiżmu għandu joffri t-tama lis-segwaċi ta’ Kristu, irrispettivament f’liema pajjiż jgħixu jew lingwa li jitkellmu.  Huwa mezz ta’ għaqda fil-fidi u fedelta’ lejn id-dutrina tal-Knisja”.

 

Dawk li jgħallmu l-Katekiżmu għandhom ikunu jafu sew lil dawk li għandhom quddiemhom.  Trid tittieħed f'kunsiderazzjoni l-maturità, fost aspetti oħra.  Xi wħud ikunu għadhom żgħar, oħrajn adoloxxenti u ssib ukoll il-kbar.  Għaldaqstant hemm bżonn li jintużaw metodi differenti biex ikun żgurat li d-diversi kategoriji fil-livelli kollha tal-ħajja jifhmu sew l-ispjega tat-tagħlim ta’ Kristu.

 

Ngħaddu issa biex nispjegaw kif inhu mqassam il-Katekiżmu.

 

L-EWWEL PARTI tal-Katekiżmu titratta l-professjoni tal-Fidi, ħaġa li l-insara jagħmlu ta’ kull nhar ta’ Ħadd waqt il-Kredu tal-Quddiesa meta jgħidu: “Jiena nemmen f’Alla…”  F’din l-istqarrija ta’ Fidi nitkellmu dwar il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.   Naraw kif Ġesù sar bniedem bħalna biex ikun jista’ jbagħti, jmut u jerġa’ jqum mill-mewt.   Alla għamel dan kollu magħna biex jerġa joffrilna opportunità oħra biex insalvaw ruħna.

 

IT-TIENI PARTI  titkellem dwar il-Misteri Mqaddsa u s-seba’ Sagramenti.   F’dawn is-Sagramenti naraw l-imħabba ta’ Alla għall-umanità dgħajfa fejn insibu lil Alla dejjem lest biex joffrilna ħajjaj ġdida u ningħaqdu miegħu permezz ta’ l-Ewkaristija.   Huwa jrid li jkun dejjem magħna, f’kull ħin u f’kull mument, mit-twelid sal-mewt.    Saħansitra hu jrid ukoll ibierek l-aħħar post fejn jitpoġġa jistrieħ il-ġisem tagħna mejjet jistenna t-tieni miġja ta’ Ġesù.

 

IT-TIELET PARTI  tfissrilna l-Għaxar Kmandamenti.   Dawn il-liġijiet ilhom jeżiżtu sa minn żmien il-waqa’ ta’ Adam u Eva.   L-ewwel ġenituri tagħna iċċalenġjaw lil Alla u immedjatament wara marru jistaħbew.    Alla staqsa lil Adam għalfejn mar jinħeba u Adam wieġbu:  “Għax ninsab imneżża'.”    Kien il-mument li l-bniedem għaraf li hemm it-tajjeb u hemm il-ħażin.     Eluf  ta’  eluf  ta’ snin wara Alla ta’ lil Mosè l-Għaxar Kmandamenti minquxa fil-ġebel biex ħadd ma jkollu xi skuża li ma jafx bihom.    Huwa offra l-ħajja jew il-mewt spiritwali.    Mal-migja tiegħu, Ġesù spjega bl-aktar mod ċar li hu ma ġiex biex jibdel jew ineħħi dawn il-Liġijiet iżda biex jagħmilhom aktar perfetti.

 

IR-RABA’ PARTI  tispjega t-talba tal-Missierna.   Din it-talba mogħtija lilna minn Ġesù nnifsu tkopri l-ħtiġijiet umani kollha sakemm inkunu għadna ngħixu fuq din id-dinja.   Fiha nsibu l-adorazzjoni, r-ringrazzjament, t-tifhir u t-talb tagħna lil Alla.   Tkopri dak kollu li kull wieħed u waħda minna għandna bżonn.   Hija talba li jekk tingħad kif għandha tingħad tista tibdel lid-dinja tagħna f’ġenna ta’ l-art.   Il-Missierna hi talba li taqqgħad flimkien il-ħolqien kollu u s-salvazzjoni ta’ l-umanità.

 

Hosted by www.Geocities.ws

1