|
RAĦAL ĠDID |
|
Alfred Ellul Galea |
|
Il-Funtana ta' Raħal Ġdid |
|
F’għadd
ta’ bliet u rħula Maltin insibu funtani li kienu saru fi żmien
l-Ingliżi. Sa ftit għexieren ta’ snin ilu f’Raħal Ġdid kellna
wkoll waħda minnhom li kienet iżżejjen in-naħa t’isfel
tal-misraħ ewlieni tagħna.
Illum tinsab fil-bitħa tal-Berġa ta’ Kastilja, Valletta. Kienet
tixbaħ eżatt lil dik li llum hemm f’nofs Misraħ is-Sliem ġewwa
Ħaż-Żabbar, b’pilastru tond tal-ġebel li mad-dawra joħorġu
tliet żubruni li minnhom joħroġ l-ilma u vaska arzellata
fin-naħa ta’ fuq. Huma ħafna,
anke mhux kbar ħafna fl-età, li
jiftakruha. Kienet fiċ-ċentru
faċċata ta’ fejn illum jinsab il-Klabb tal-futbol Hibernians u
kienet isservi ta’ għajn li minnha jixorbu ż-żwiemel. Iż-żwiemel bil-karozzini kienu
jkunu jistkennew taħt l-arkata, jew loġġa, li nbniet mill-Gran
Mastru de Paule. L-arkata kienet
tinsab biswit fejn illum hemm il-Każin tas-Soċjeta’ Filarmonika
G.M. Fra Antoine de Paule – Banda Kristu Re.
Ma’ ġenb din il-funtana kien hemm pompa ta’ l-idejn ta’ l-ilma,
li bħalha kien hemm oħrajn fi nħawi oħra ta’ Raħal Ġdid
kif ukoll gabbana fil-qrib. Meta
fl-ewwel snin ta’ l-għerbinijiet il-misraħ tagħna ntlaqat
b’xita ta’ bombi u waħda minnhom faqgħet il-ġibjun li hemm
f’nofsu, il-funtana żżarmat u tneħħiet minn postha. Matul u wara l-gwerra għamlet
żmien mitluqa f’bosta nħawi, fosthom f’Wied il-Buni, Birżebbuġia
u maġenb il-grawnd tax-Schrieber, illum mgħammed Pace-Grasso. Imbagħad kienet reġgħet
twaħħlet f’postha mill-ġdid. Fi
żminijiet aktar qrib tagħna l-funtana majestuża li kienet
issebbaħ il-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, illum magħrufa bħala Pjazza Antoine de
Paule, tqiegħdet fil-bitħa ta’ Kastilja, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Mal-funtana oriġinali żdiedu
l-figuri ta’ tliet nisa jżommu l-ġarar li saru mill-iskultur Ġanni
Bonnici. Fi żmienna l-funtani għandhom aktar għan
li jsebbħu l-ambjent. Fl-imgħoddi,
l-aktar fejn ma kinetx teżisti sistema ta’ l-ilma kif nafuha llum, kienu
ħaġa bżonnjuża u madwarhom kienu jinġabru n-nies
tal-belt jew raħal biex jieħdu l-ilma għal dak kollu li
jkollhom bżonn fil-ħajja ta’ kuljum. |