L-GĦAXRA  TA'  FRAR

Festa ta' San Pawl 2004

Violet Cassar

 

Ġrajja kbira, ferm sabiħa

Seħħet f’Malta dak iż-żmien,

Maltempata wisq tal-biża’

Ġabet fostna l-barranin.

 

Ġew mill-bogħ’d f’ġifen imkisser

Illi tħabat wisq mal-mewġ.                   

Raw il-mewt, żgur beżgħu ħafna          

Imma xorta ġiethom żewġ.       

 

Għaliex fosthom kien hemm Wieħed

Illi emmen fid-Divin,

Hu kien jaf kif se jispiċċa        

Ta’ dil-ġrajja id-destin.

 

Lil sħabu qawwielhom qalbhom

U talabhom ma jibżgħux,

“Se naħbtu ma’ gżira żgħira

Żgur li intom ma tmutux”.

 

Il-Maltin ġrew lejn ix-xtajta,

Sabiex jagħtu daqqa t’id,

U malajr xegħlu ħuġġieġa,

Seta’ jisħon min irid.

 

Issa nkitbet paġna ġdida

Għal dal-poplu wisq ħanin,

Għax bis-saħħa ta’ dal-bniedem

Il-Maltin bidlu t-twemmin.

 

Ħafna kienu dawk li tgħammdu,

Oħrajn stagħġbu b’dak li raw,

Għaliex Pawlu minn ta’ Tarsu

Baqa’ jgħammar xi ftit hawn.

 

It-tagħlim malajr inxtered,

U il-fidi qabdet l-art,

J’alla nibqgħu inħaddnuha,

J’alla ma niċħduha qatt.

 

 

Hosted by www.Geocities.ws

1